TITJIRA TA’ RIPATRIJAZZJONI OĦRA GĦALL-PERSUNI LI MA JIKKWALIFIKAWX GĦALL-AŻIL
Ħidma kordinata bejn il-Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari u l-Korp tal-Pulizija wasslet biex illum waranofsinhar grupp ta’ 44 persuna, fosthom 11–il mara min-Niġerja ġew deportati fuq titjira charter tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija.
Il-persuni kollha li ġew ripatrijati dalgħodu kollha kellhom it-talba tagħhom għall-ażil meqjusa bħala inammissibbli mill-Kummissarju tar-Refuġjati, filwaqt li l-appell tagħhom minn din id-deċiżjoni ma ntlaqax. Dan minħabba li n-Niġerja titqies bħala pajjiż sigur. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-persuni kienu waslu Malta tul l-2011 u kienu qed jinżammu f’ċentri tad-detenzjoni.
Kull persuna deportata kienet akkumpanjata minn skorta ta’ żewġ pulizija. Abbord it-titjira lejn Lagos, fin-Niġerja, kien hemm ukoll tim mediku u numru ta’ uffiċċjali tal-pulizija.
Din l-operazzjoni ta’ dalgħodu setgħet tigi eżegwita wara li l-awtoritajiet tan-Niġerja bagħtu d-dokumenti tal-ivjaġġar neċessarji għal dawn il-persuni lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta' Malta. Il-parti l-kbira tal-ispejjez relatati ma' din l-operazzjoni ser jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici ikkongratula lill-Korp tal-Pulizija għas-suċċess ta’ din l-operazzjoni ta’ ripatrijazzjoni. Huwa qal: "Il-ħidma tal-Gvern hija maqsuma fuq diversi fronti. Pajjiżna jibqa marbut li min jistħoqqlu protezzjoni, din tingħatalu. Nistinkaw ukoll biex niksbu opportunitajiet ta’ rilokazzjoni f’pajjiżi oħra għall-persuni li jingħataw kenn minn pajjiżna, biex dawn ikollhom futur aħjar. Dawk li ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni, madanakollu jiġu ripatrijati f’operazzjonijiet bħal din tal-lum li qed isiru aktar frekwenti."
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017