Left arrow Go Back

MESSAĠĠ TAL-MINISTRU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT, L-ONOR. TONIO FENECH, FL-OKKAZJONI TAL-PREŻENTAZZJONI TAR-RAPPORT TAR-RABA’ SENA TA’ ĦIDMA.

pr0967
Date Icon 30/04/2012

Ninsabu fir-raba’ sena ta’ ħidma ta’ din il-leġiżlatura, ħidma li rat lil pajjiżna jkompli jattira aktar investiment u joħloq aktar postijiet tax-xogħol, biex kompliet titħares il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, u l-familji tagħhom.

Madanakollu wieħed irid jfakkar l-isfond li fihom għixna dawn l-aħħar erba’ snin, snin li kienu fost l-aktar movimentati fl-istorja ekonomika u finanzjarja dinjija sa mill-kriżi li wasslet għall-kollass tas-sistema finanzjarja fis-Snin Għoxrin tas-Seklu li għadda.

Dik li oriġinarjament bdiet minn kriżi finanzjarja gradwalment żviluppat f’waħda ekonomika u soċjali, fejn numru kbir ta’ persuni spiċċaw mingħajr xogħol u kumpaniji jagħlqu l-bibien tagħhom. Id-dħul minn setturi kruċjali għal bosta pajjiżi Ewropej, bħat-turiżmu u l-manifattura, tista’ tgħid li naqas kullimkien, b’mod partikolari fl-Ewropa. Dan ifisser li l-Gvernijiet madwar id-dinja kellhom dħul aktar baxx u kellhom iżidu n-nefqa tagħhom fuq kontribuzzjonijiet soċjali b’mod partikolari għan-numru ferm akbar ta’ persuni bla xogħol. Fil-fatt, f’dan il-perjodu relattivament qasir, il-qgħad fl-Unjoni Ewropea żdied minn madwar 16-il miljun għal 23 miljun ruħ.

Din is-sitwazzjoni ġiet aċċentwata minn numru ta’ deċiżjonijiet li sfortunatament ma jistgħux jissejħu mod ieħor jekk mhux irresponsabbli. Fost dawn insibu n-nuqqas ta’ kontroll fuq in-nefqa ta’ l-Istat li waslu għal livelli dejjem aktar eċċessivi ta’ djun. Dawn is-sitwazzjonijiet wasslu biex dik li kienet kriżi ekonomika u finanzjarja nbidlet fi kriżi ta’ sovranità. Minkejja li bosta minn dawn il-pajjiżi ħadu numru ta’ miżuri ta’ awsterità, fosthom żidiet fit-taxxi u tnaqqis fl-investiment f’oqsma anke bħall-edukazzjoni u dak soċjali, xorta waħda l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi rispettivi kien sostanzjali.

F’dan il-kuntest kollu, dan il-Gvern applika politika adattata għal dawn ir-realtaijiet. Politika li t-tema ċentrali tagħha tul dawn l-erba’ snin kienet il-ħarsien u l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol.

Dan sar b’investiment kontinwu fit-tisħiħ tal-kompetittività ta’ pajjiżna, fil-ħolqien ta’ inċentivi li jixprunaw l-investiment lokali u barrani, f’investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni u f’investiment fi proġetti kapitali. Dawn ta’ l-aħħar għandhom l-għan doppju li jipprovdu lill-pajjiż l-infrastruttura neċessarja biex tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ pajjiż li qed jikber u jiżviluppa, iżda li fl-istess ħin joħolqu attività ekonomika għal bosta intrapriżi, speċjalment dawk żgħar u medji, u aktar postijiet tax-xogħol.

Statistika ppubblikata b’mod regolari kull xahar mill-Eurostat regolarment ikkonfermat lill-pajjiżna fost l-anqas f’dak li huwa qgħad fl-Unjoni Ewropea. Fil-preżent, Malta għandha l-ħames l-iċken rata ta’ qgħad fl-UE, b’6.5%, meta l-medja fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 9.7%. Kien hemm ukoll żviluppi pożittivi fir-rata ta’ nies jaħdmu (employment rate) fejn fl-aħħar erba’ snin Malta kellha t-tielet l-akbar żieda, b’1.4% meta l-medja fl-UE kienet tnaqqis ta’ 1.2%. Skont il-Labour Force Survey għat-tielet kwart tal-2011, Malta rreġistrat żieda ta’ 2% f’dawk li huma persuni jaħdmu bi qliegħ meta mqabbel mal-istess kwart fl-2010. Kien hemm b’kollox żieda ta’ 1.6% mas-settur privat, li llum iħaddem 72.6% ta’ l-impjiegi fulltime.

Dan ir-rapport jagħti ħarsa lejn din il-ħidma, bl-inċentivi, inizjattivi u ħidma primarja biex jintlaħaq dan l-għan.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow