IT-TURIZMU FIX-XITWA 2011/2012
Ix-Xitwa li għadha kemm għaddiet rat żieda fl-iljieli ta’ turisti li żaru Malta kif ukoll żieda fin-nefqa minkejja tnaqqis fin-numru ta’ turisti li żaru pajjizna, liema tnaqqis kien prinċipalment dovut għall-fattur tal-Libja s-sena l-oħra.
Matul ix-xitwa li għadha kemm għalqet (Novembru 2011/Marzu 2012) in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna kien ta’ 342,420. Dan huwa tnaqqis ta’ 20,697 (5.7%) meta mqabbel mal-istess perjodu 2010/2011. Dan it-tnaqqis kien prinċipalment dovut għall-fatt illi fix-xhur ta’ Frar u Marzu tal-2011 Malta ospitat influss straordinarju ta’ barranin li kienu qed jiġu evakwati mil-Libja minħabba l-problemi li nqalgħu f’dak il-pajjiż. Fil-fatt, jekk wieħed jeskludi n-numru ta’ barranin li kienu ġew Malta bħala parti mill-proċess ta’ evakwazzjoni, it-tnaqqis fin-numru ta’ turisti li żaru Malta din ix-xitwa kien ta’ 7,542 (2.2%) meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2010/2011.
Minkejja t-tnaqqis fin-numru ta’ turisti fix-xitwa li għadha kemm għalqet (Novembru 2011/Marzu 2012), it-total ta’ ljieli li dawn it-turisti qattgħu Malta, xorta kien ogħla mit-total ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’Malta fix-xitwa preċedenti (Novembru 2010/Marzu 2012). Fil-fatt bejn Novembru 2011 u Marzu 2012 in-numru totali ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’Malta kien ta’ 2,787,359 – żieda ta’ 16,466 (0.6%) fuq l-istess perijodu 2010/2011. Jekk wieħed jeskludi l-iljieli tal-barranin li kienu ġew Malta bħala parti mill-proċess ta’ evakwazzjoni fi Frar u Marzu 2011, iż-żieda fit-total ta’ ljieli li t-turisti qattgħu Malta din ix-xitwa meta mqabbel max-xitwa li għaddiet (2010/2011) kien ikun ta’ 55,375 (2.0%). Din iż-żieda fit-total ta’ iljieli li t-turisti qattgħu Malta din ix-xitwa, hija dovuta għall-fatt illi l-‘average lenght of stay’ tat-turisti li ġew Malta din ix-xitwa, meta mqabbel max-xitwa li għaddiet, żdied minn 7.6 iljieli għal 8.1 iljieli.
Din ix-xitwa kien hemm żieda mhux biss fit-total ta’ iljieli li t-turisti qattgħu Malta, iżda wkoll fid-dħul mit-turiżmu. Fil-fatt id-dħul mit-turiżmu din ix-xitwa kien ta’ €260.8 miljun, li hija żieda ta’ €7.4 miljun (2.9%) fuq id-dħul mit-turiżmu tax-xitwa 2010/2011.
Is-settur turistiku lokali fix-xitwa li għaddiet (Novembru 2011/Marzu 2012) kien dominat minn żewġ fatturi:
• Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed tolqot l-Ewropa, l-iktar ir-Renju Unit, l-Italja u Spanja, li huma t-tliet swieq ewlenin tagħna u li t-tlieta daħlu f’riċessjoni.
• Tnaqqis fis-seat capacity lejn pajjiżna.
It-tnaqqis fis-seat capacity din ix-xitwa kien dovut għal inqas titjiriet min-naħa tal-Air Malta li bħalissa għaddejja min fażi importanti ta’ ristrutturazzjoni, inqas titjiriet minn Ryanair li kienet ddeċidiet li ttajjar 75 ajruplan inqas minħabba r-riċessjoni ekonomika Ewropea, u inqas titjiriet min-naħa tal-EasyJet mill-Italja. It-total ta’ tnaqqis fis-seat capacity din ix-xitwa (2011/2012) kien ta’ 141,000 two-way jiġifieri, ekwivalenti għal 70,500 passiġġier inqas meta mqabbel max-xitwa preċedenti 2010/2011.
Il-fatt li t-tnaqqis fin-numru ta’ turisti li żaru Malta kien ferm inqas mit-tnaqqis fis-seat capacity hu dovut għall-fatt li l-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadmu fil-viċin ħafna mal-istakeholders fl-industrija tat-turiżmu, inklużi l-linji tal-ajru, fosthom l-Air Malta u l-lukandieri sabiex isir reklamar mill-aktar effettiv.
Dan wassal sabiex l-average load factor fuq l-ajruplani li taru lejn pajjiżna din ix-xitwa tela’ għal 70.3% minn 65.4% ix-xitwa preċedenti (2010/2011).
Għall-perijodu tas-sajf ta’ din is-sena (April/Ottubru) l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qegħda tistenna li jkollna żieda marġinali fis-seat capacity lejn pajjiżna minkejja l-fatt li l-Air Malta ser tkun qed topera b’ajruplan inqas. Dan huwa dovut għal numru ta’ rotot ġodda li tħabbru aktar kmieni din is-sena u li wħud minnhom bdew joperaw f’April u oħrajn li ser jibdew fix-xhur li ġejjin. Dawn jinkludu seba’ rotot ġodda li l-linja tal-ajru low cost Ryanair ser tibda tħaddem lejn Malta. Fl-istess waqt l-Air France bdiet topera rotta minn Toulouse fi Franza minn April 2012; l-Air Berlin ser tħaddem servizzi ġodda minn Stuttgart; Nuremberg; Cologne u Munich, li jinqasmu ma’ TUI Cruises filwaqt li l-Lufthansa ser iżżid il-frekwenza fir-rotot minn Munich u Frankfurt.
Il-Gvern huwa mpenjat sabiex minkejja l-isfida li din l-industrja qiegħdha tiffaċċja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika fl-Ewropa, jaħdem viċin l-istakeholders f’din l-industrja sabiex inżommu u nibnu fuq ir-riżultati pożittivi ta’ dawn l-aħħar snin fl-interess tal-istess industrja, tal-ekonomija u tal-postijiet tax-xogħol tal-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn din l-industrja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017