Left arrow Go Back

TFAKKIRA TAL-JUM TAS-SOLIDARJETÀ INTERĠENERAZZJONALI

pr0961
Date Icon 30/04/2012

Fl-iskola Primarja ta’ Marsaxlokk li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Tumas More dalgħodu saret ċelebrazzjoni biex tfakkar il-Jum ta’ Solidarjetà Interġenerazzjonali li fiha ħadu sehem tfal tal-iskola u anzjani minn diversi Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjani u attendew għaliha l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina, il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità Mario Galea.

F’din iċ-ċelebrazzjoni anzjani u studenti pparteċipaw flimkien f’sessjonijiet ta’ tisjir, logħob tradizzjonali, qari ta’ stejjer, attivitajiet sprotivi u aerobics.

F’kumment li għamlet il-Ministru Cristina qalet li  kull soċjetà madwar l-Ewropa qed tesperjenza bidliet li qed jikkaretterizzaw it-tessut soċjali. Dan minħabba bidliet demografiċi,  teknoloġiċi, kif ukoll fir-rwoli fi ħdan is-soċjetà nnifisha. Malta mhix eċċezzjoni.  L-età medja tal-popolazzjoni qiegħda kull ma tmur tikber u għaldaqstant dan jitlob li kull pajjiż jiffoka fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet permezz ta’ miżuri konkreti li jiggarantixxu soċjetà sostennibbli fl-aħjar interess ta’ kull ġenerazzjoni.

L-anzjani taw is-sehem tagħhom biex illum għandna l-pajjiż sabiħ li ngħixu fih.  Huma għaddew lill-ġenerazzjonijiet tagħna drawwiet sbieħ, l-għerf tagħhom u valuri għoljin.  Għalhekk jixirqilhom kull rispett u mħabba. Għandna ħafna anzjani li qed ikomplu jagħtu kontribut lis-soċjetà.  Dan jagħmluh jew għax ikomplu jaħdmu avolja jilħqu l-età tal-pensjoni jew inkella bis-sehem tagħhom f’oqsma differenti tas-soċjetà fosthom fil-volontarjat.

Fl-istess ħin għandna lit-tfal li huma ċ-ċittadini żgħar tas-soċjetà, li għandhom ideat, ħsibijiet kif ukoll interessi li għandhom jitwasslu lill-membri l-oħra tas-soċjetà. F’kull ġurnata tas-sena għandna niftakru li r-rwoli tat-tfal u tal-anzjani huma t-tnejn importanti għas-soċjetà. Fid-diversità li jaqsmu nibnu qawsalla ta’ viżjonijiet li jsawru u jsaħħu t-tessut soċjali kif ukoll kulturali ta’ soċjetà. Huwa għalhekk li fid-deċiżjonijiet li nieħdu għandna nisimgħu l-vuċi tal-anzjani u tat-tfal għaliex bl-esperjenzi tagħhom għandhom ħafna x’jgħidulna u x’jgħallmuna. 

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said tkellem dwar il-ħidma fuq il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal li daħlet f’fażi mill-aktar interessanti hekk kif il-proċess ta’ konsultazzjoni dwarha issa jinsab fl-aqwa tiegħu. Fil-ġimgħat li għaddew saru numru ta’ laqgħat ma’ entitajiet differenti dwar l-abbozz ta’ din il-politika li tnieda f’Diċembru li għadda permezz ta’ dokument imsejjaħ ‘Kburin bi Tfulitna’. Issa jmiss li f’Mejju jibdew numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li għandhom jgħinu sabiex dan id-dokument ikun irfinut.

Il-Ministru Said tkellem dwar ir-rwol tal-anzjani fis-soċjetà Maltija u qal li aħna fid-dmir li nieħdu ħsieb lill-anzjani tagħna u li ngħinuhom jibqgħu attivi u jikkontribwixxu aktar. Illum 13,148 anzjan qed jaħdmu mingħajr m’huma qed jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom. Mijiet oħra qed jagħtu kontribut billi jinvolvu rwieħhom f’għaqdiet, f’soċjetajiet, fil-Kunsilli Lokali u f’bordijiet pubbliċi. Hu essenzjali li lill-anzjani nibqgħu ninvolvuhom għaliex l-esperjenza tagħhom tgħinna nibnu soċjetà fuq pedamenti sodi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, Mario Galea qal li minkejja kull perċezzjoni, l-anzjani huma aġenti provokattivi fis-soċjetà. Kuntrarju għal dak li naħsbu l-anzjani mhux piż fuq is-soċjetà imma għaddejjin minn fażi ta’ bidla kontinwa anki f’pajjiżna u dan grazzi għall-fatt li l-anzjani qed jgħixu iktar għax għandhom kura u servizzi mill-aqwa. Xhieda ta’ dan is-suċċess hu l-fatt li l-life expectancy telgħet: tan-nisa issa telgħet għal 83.6 snin waqt li tal-irġiel telgħet għal 79.1 snin.

L-anzjanità tista titqabel mar-rebbiegħa u llum l-anzjani mxew ’il quddiem tant li qed jagħmlu kulma jagħmlu ż-żgħażagħ. L-anzjani jużaw il-mowbajl, l-iskype, il-Facebook, l-internet u jiċċettjaw bħaż-żgħażagħ.  L-anzjani jafu x’qed jiġri fid-dinja lilhinn mis-swar tagħna għax isegwu l-aħbarijiet u jqallbu diversi stazzjonijiet internazzjonali. Fuq kollox l-anzjani jiffurmaw opinjoni.

L-anzjani tagħna mhux piż. Issibhom attivi fil-volontarjat, fil-kunsilli lokali, fil-baned, fl-għaqdiet soċjali, filantropiċi u reliġjuzi, jistudjaw u jmorru l-università, jagħmlu l-eżerċizzju fid-day centres tagħna u jsegwu l-korsijiet fl-Università tat-Tielet Età.

L-anzjani huma mudelli ħajja ta’ valuri u etika u fuq kollox enerġija għall-pajjiż.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow