STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX, MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA
Servizzi ta’ childcare f’Għawdex
Il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar il-Famlja, Justyne Caruana, għandha l-fatti ħżiena. Mhux veru li ċ-childcare centre li hemm f’Għawdex immexxi mill-Knisja se jagħlaq. Mhux veru lanqas li f’Għawdex hemm childcare centre wieħed biss.
Id-Dipartiment għall-Istandards ta' Ħarsien Soċjali (DSWS), fis-snin li għaddew fassal standards li jirregolaw il-faċilitajiet ta' childcare li hawn f'Malta u f'Għawdex.
Kull childcare centre, kemm jekk privat kif ukoll tal-Gvern, irid jimxi fuq dawn l-istandards fl-interess tat-tfal Maltin u Għawdxin li jattendu. Dan sabiex ikun assigurat li t-tfal ikunu qed jingħataw ħarsien ta' kwalità f'ambjent li jgħin l-iżvilupp edukattiv, soċjali, psikoloġiku u emozzjonali tagħhom.
Iċ-childcare centre li rreferiet għalih l-Onor. Justyne Caruana huwa ċentru tal-Knisja u mhux tal-Gvern. Id-DSWS qatt ma ordnat lil dan iċ-ċentru biex jagħlaq. Madanakollu, peress li ċ-ċentru mhux reġistrat mad-DSWS, u lanqas ma jimxi fuq l-istandards, ma jistax igawdi b’mod awtomatiku minn ċertu benefiċċji li jgawdu minnhom ċentri li huma rreġistrati u li obbligaw irwieħhom li jimxu fuq l-istandards u r-regolamenti eżistenti.
Sadanittant id-DSWS qed taħdem id f’id maċ-childcare centre tal-Knisja sabiex dan jgħolli l-livell tiegħu, ikun jista’ jirreġistra mad-DSWS għaliex jibda’ jimxi fuq l-istandards, u b’hekk il-ġenituri jibdew igawdu minn tax rebates ukoll. Għaddejjin diskussjonijiet kif dan jista’ jsir.
F’Għawdex bħalissa hemm żewġ childcare centres, wieħed immexxi mill-Knisja u ieħor mill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz.
Barraminhekk permezz ta’ għajnuna minn skema tal-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tal-Għarb seta’ jwettaq proġett fejn ġie rranġat u mgħammar post ieħor li ser ikun jagħti servizzi ta’ childcare. Bħalissa qed jintlaqgħu offerti għas-servizzi ta’ tmexxija ta’ dan iċ-Childcare Centre liema sejħa se tagħlaq fis-17 ta’ Mejju li ġej. Din is-sejħa inħarġet għat-tieni darba wara li ma ntefgħu l-ebda offerti fl-ewwel sejħa. Hekk kif isiru l-aġġudikazzjoni u l-għoti tal-kuntratt dan iċ-ċentru ġdid mistenni jibda joffri servizzi ta’ childcare lil madwar 25 sa 30 tifel u tifla.
Il-Ministeru għal Għawdex għandu pjan ieħor għall-bini ta’ childcare centre ġdid qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Wara li ngħata l-approvazzjoni mill-MEPA beda l-proċess ta’ tendering mad-Dipartiment tal-Kuntratti. Hekk kif tinħareġ u tiġi aġġudikata t-tender ikun jista’ jingħata bidu għall-bini ta’ dan il-proġett ġdid fiż-żona tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017