STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ
F’nuqqas ta’ politika serja l-Oppożizzjoni tattakka l-operat tal-ħaddiema tas-Settur tas-Saħħa
Flok tapprezza x-xogħol tal-ħaddiema, partikolarment hekk kif qegħdin ftit jiem ‘il bogħod miċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiema, l-Oppożizzjoni ħarġet stqarrija li tikkritika l-ħidma tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.
Il-Partit Laburista għal darb’oħra wera li ma għandux politika għas-settur tas-saħħa u ħareġ stqarrija negattiva, hekk kif inhu tipiku tal-Oppożizzjoni.
L-Oppożizzjoni saħansitra ma ndunatx li l-punti li semmiet fil-qasam tas-saħħa huma kollha nklużi fir-Rapport Sena Ħidma li ppubblika l-Ministeru għas-Saħħa ilbieraħ stess.
L-Oppożizzjoni ma ndunatx li s-servizzi tal-kura primarja qed jintużaw minn aktar persuni, filwaqt li fi ftit xhur oħra se jkollna l-ewwel ċentru tas-saħħa li fiħ jistgħu isiru operazzjonijietr żgħar. L-Oppożizzjoni injorat għal kollox ix-xogħol li qiegħed isir fil-qasam tal-prevenzjoni tal-mard u promozzjoni tas-saħħa fejn diversi professjonisti qed jagħmlu ħidma importanti ħafna f’diversi postijiet fil-komunità. Lanqas ma ndunat li l-Gvern, saħansitra nieda l-istrateġija nazzjonali dwar l-obeżità kif ukoll il-politika u strateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali.
L-Oppożizzjoni injorat għal kollox is-76,000 persuna li qed jiġbru ‘il fuq minn 1,300 tip ta’ mediċina differenti b’xejn minn 159 spiżerija, kif ukoll ir-riforma li saret dwar l-iskeda numru ħamsa biex aktar persuni qed jiehdu medicini b'xejn ghal aktar kundizzjonijiet medici.
Il-ħaddiema li kuljum jagħmlu spezzjonijiet fi stabilimenti tal-ikel u postijiet oħra li jikkonċernaw is-saħħa ambjentali wkoll ġew injorati għal kollox mill-kelliema tal-Oppożizzjoni.
Dawn jingħaqdu ma’ lista itwal ta’ ħaddiema li ta’ kuljum jagħmlu ħafna xogħol li iżda jidher li l-Oppożizzjoni qed tinjora għal kollox ġimgħa wara l-oħra. Pereżempju l-professjonisti u l-istudenti tobba tal-Foundation Programme Malta, li permezz tiegħu llum mhux talli għandna tobba Maltin li qed ikomplu jistudjaw f’pajjiżna iżda talli għandna tobba barranin li qed jagħżlu li jkomplu l-istudji tagħhom hawn Malta.
Fin-nuqqas ta’ ideat ġodda u politika ċara mill-Oppożizzjoni, l-istess Oppożizzjoni ma ndunatx li l-proġetti li tmaqdar huma r-riżultat tal-ħidma ta’ impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi mediċi, li apparti d-diversi proġetti li qed joħolqu, huma impejati bil-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija, li għal diversi drabi spiċċa mżeffen fil-kritika tal-Oppożizzjoni.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tirrepeti li tnaqqas l-investiment fis-settur tas-saħħa, meta fil-verità n-nefqa għal din is-sena hi aktar mis-sena li għaddiet, fil-ġimgħat li għaddew il-Gvern ħabbar servizzi ġodda, fosthom il-programm nazzjonali ta’ colorectal screening. Dan għaliex, il-verità hi l-baġit allokat għas-saħħa żdied b’29 miljun ewro.
Il-preżentazzjoni tar-rapport sena ħidma mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità nkludiet ukoll inizjattivi varji li dan il-Gvern ħa f’oqsma differenti, bħal dawk fil-qasam tal-kanċer, dawk li wasslu għal żieda fl-operazzjonijiet differenti, introduzzjoni ta’ proċeduri innovattivi, ftehim mal-privat u inzjattivi oħrajn.
Il-Ministeru għal darb’oħra jirringrazzja lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa.
Ir-rapport ta' ħidma tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jista’ jiġi aċċessat minn fuq: www.opm.gov.mt/mhec2012.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017