NINDIRIZZAW IL-MIRI NAZZJONALI ELENKATI FIL-PROGRAMM TA’ RIFORMA NAZZJONALI 2012
Appell għal sehem attiv mis-settur privat u s-soċjetà ċivili fil-konsultazzjoni dwar il-Qafas Finanzjarju tal-UE 2014-2020
F’laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret illum kien hemm żewġ temi fuq l-aġenda – il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali 2012 u l-prijoritajiet tas-Sena Ewropea għal Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012.
Fi preżentazzjoni li saret minn Martin Spiteri, Direttur għall-Iżvilupp tal-Politika fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, ingħataw dettalji dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali ta’ din is-sena.
Qal li Malta qed tadotta miżuri f’ħames oqsma partikolari li huma:
· Il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ta’ Malta - il-pajjiż qed juri iktar impenn bit-tisħiħ tal-qafas fiskali
· Is-sostenibilità tal-pensjonijiet – Malta qed tbiddel is-sistema tal-pensjonijiet u tirrevediha kull ħames snin
· L-edukazzjoni trid tilħaq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol – żieda ta’ boroż ta’ studju, tisħiħ tal-MCAST, reviżjoni tal-kwalità akkademika tal-Università ta’ Malta u iktar appoġġ lill-familji vulnerabbli biex jindirizzaw tfal li jitilqu mill-iskola qabel l-età obbligatorja
· Reviżjoni tal-COLA – il-mekkaniżmu li bih tiġi kkalkulata ż-żieda tal-għoli tal-ħajja – saret analiżi teknika li se tiġi ppreżentata lill-MCESD – il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali – biex jiddiskuti l-effett tal-COLA fuq ix-xogħol u l-kompetittività
· L-enerġija – tisħiħ fl-insfrastruttura biex il-pajjiż ma jibqax jiddependi fuq iż-żejt u jżid l-użu tal-enerġija alternattiva permezz ukoll tal-proġett tal-interconnector, l-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara u bosta skemi lill-intrapriżi u l-familji.
Is-Sur Spiteri elenka l-miri ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-Istrateġija “Ewropa 2020” u semma kif mistennija jintlaħqu dawn il-miri. Fost l-oħrajn qal li qed jiġu implimentati mat-22 miżura ġdida permezz ta’ diversi proġetti, uħud minnhom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea, biex jiġu indirizzati dawn il-miri. Hemm ukoll 9 miżuri li jaqgħu taħt il-Patt Euro Plus, li jmorru lil hinn mill-Programm ta’ Riforma Nazzjonali.
Fost il-punti mqajma mill-membri tal-Core Group kien hemm il-ħtieġa tal-kwalità ta’ ċertifikazzjoni li qed tingħata lill-istudenti, iktar konsultazzjoni mal-industriji konċernati meta jitfassal il-kurrikulu ta’ suġġett partikolari, in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji għall-apparat meħtieġ għall-persuni b’diżabilità li jgħixu fil-komunità, spinta fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jekk hux se jinħarġu iktar skemi li jinċentivaw ix-xiri ta’ sistemi ta’ pannelli fotovoltajċi.
Matul il-laqgħa, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Dott. Godwin Grima appella lill-parteċipanti biex jieħdu sehem fit-tfassil ta’ proposti ġodda li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit finanzjarju 2014-2020 tal-UE ħalli permezz tagħhom ikunu jistgħu jsiru l-proġetti meħtieġa għall-pajjiż mhux biss mis-settur pubbliku, iżda wkoll mill-entitajiet privati u anke l-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi (NGOs).
Fit-tieni parti tal-laqgħa, Dr Charmaine Gauci, Direttur tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Ċerpersin tal-Kumitat tas-Sena Ewropea 2012, tat ħarsa lejn il-prijoritajiet tas-Sena Ewropea għall-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.
Qalet li l-popolazzjoni Maltija mistennija tixjieħ u li dan se jġib miegħu diversi sfidi u opportunitajiet. Fost l-oħrajn semmiet li popolazzjoni iktar anzjana ġġib magħha pressjoni fuq l-ekonomija u s-servizzi soċjali iżda fl-istess waqt l-anzjani għandhom potenzjal biżżejjed biex jibqgħu jikkontribwixxu fis-suq tax-xogħol.
L-għan tas-Sena Ewropea 2012 huwa li tinbidel l-idea li l-anzjani huma piż għas-soċjetà u dan jista’ jsir billi l-anzjani jibqgħu jaħdmu, jgħixu b’saħħithom, iwettqu volontarjat, u jkun hemm solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Dr Gauci tkellmet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-anzjani f’Malta u qalet li għalkemm ftit li xejn hawn għarfien dwar kemm il-popolazzjoni qed tixjieħ u kif il-parti l-kbira tal-anzjani jbatu mill-obeżità u huma l-iktar li jpejpu, meta mqabbel mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, madanakollu minn stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru ħareġ li f’Malta, l-parti l-kbira tagħhom għadhom jgħixu fil-komunità, filwaqt li 32% tal-anzjani jwettqu xogħol volontarju.
Fost il-proposti li mistennija jitwettqu matul din is-sena u fil-futur biex l-anzjani jibqgħu attivi, Dr Gauci elenkat il-ħtieġa ta’ aktar għarfien biex l-anzjani jibqgħu jaħdmu anke wara l-età tal-irtirar u jekk hemm bżonn jiġu mħarrġa f’ħiliet ġodda, ikunu iktar inklużi fil-komunità b’sensiela ta’ attivitajiet organizzati saħansitra anke mill-Kunsilli Lokali, u titqajjem iktar kuxjenza biex tinbidel il-perċezzjoni dwar l-anzjani.
Fost il-punti mqajma mill-membri tal-Core Group issemmew:
· l-involviment tal-kunsilli lokali
· il-kontribut ta’ professjonisti li rtiraw mix-xogħol biex jgħaddu l-esperjenza tagħhom lil professjonisti ġodda
· il-ħtieġa tal-prevenzjoni u mhux il-kura tas-saħħa
· iktar tagħrif u kampanji edukattivi biex in-nies ma jiqfux jaħdmu qabel iż-żmien.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Dott. Chris Said, li mexxa l-laqgħa, qal li l-ammont ta’ anzjani li għadhom jaħdmu żdied b’5,500 f’sena u tela’ għal 13,500. Semma kif qed jiġu adottati bosta miżuri mill-Gvern biex l-anzjani li jibqgħu jaħdmu ma jitilfux il-pensjoni u fl-istess waqt huma jibqgħu jikkontribwixxu fl-ekonomija.
Fil-laqgħa tal-Core Group ħadu sehem uffiċjali għolja tal-Gvern, rappreżentanti tal-partiti politiċi, korpi kostitwiti u s-soċjetà ċivili.Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017