Left arrow Mur Lura

AKTAR GĦARFIEN DWAR KARRIERI FIT-TURIŻMU F’GĦAWDEX

pr0944
Date Icon 27/04/2012

Għar-raba’ sena konsekuttiva, f’Għawdex qed tinżamm l-attività ‘Careers in Tourism’ bil-għan li tippromwovi u żżid l-għarfien dwar opportunitajiet ta’ xogħol varji offruti mis-settur turistiku f’Għawdex stess. Għal darba oħra din l-attività annwali qed tiġi mtella’ mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għat-Turiżmu, Kultura u Ambjent permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA) u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) bil-parteċipazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) kif ukoll dik tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Bħal snin oħra din l-attività sabet ukoll għajnuna mill-qasam edukattiv  b’mod speċjali mill-Guidance Unit f’Għawdex.

Careers for Tourism Expo 2012 ġiet inawgurata permezz ta’ attività li nżammet ġewwa s-sala prinċipali tal-iskola sekondarja ġdida tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex  li għaliha attendew għadd ta’ studenti subien u bniet li jattendu klassijiet tat-tielet u r-raba’ sena fl-iskejjel sekondarji f’Għawdex. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex fissret kif is-settur turistiku huwa qasam ekonomiku importanti għal Għawdex għaliex joffri opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex stess filwaqt li jiġġenera attività ekonomika f’oqsma oħra. Il-Ministru fissret kif f’dawn l-aħħar snin sar investiment qawwi biex jissaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ restawr ta’ siti storiċi, il-qasam kulturali kif ukoll proġetti infrastrutturali oħra. Fosthom semmiet dak tal-bini mill-ġdid tal-istitut għall-Istudji turistiċi f’Għawdex li joffri faċilitajiet ta’ tagħlim u taħriġ għal studenti żgħażagħ kif ukoll għal dawk il-ħaddiema li jridu jkomplu jtejbu l-kompetenzi tagħhom.

Tkellem ukoll is-sur Josef Formosa Gauci, kap eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li fisser kif din l-Awtorità tinkludi lil Għawdex fl-inizjattivi promozzjonali fi swieq barranin li jinkludu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti mis-settur turistiku Għawdxi f’fieri turistiċi ewlenin.

L-attività kienet tinkludi wkoll qsim ta’ esperjenzi minn żewġ studenti Għawdxin li qed jattendu korsijiet fl-ITS, wieħed f’Malta u l-ieħor f’Għawdex. Minbarra li spjegaw kif tħajru jkomplu bl-istudji tagħhom dan il-qasam, fissru kif dawn l-Istituti jipprovdu faċilitajiet ta’ livell għoli kif ukoll opportunitajiet li jwasslu biex dawn jiksbu esperjenza diretta fix-xogħol anke permezz ta’ programmi ta’ skambji f’lukandi ewlenin barra minn Malta.  Studenti oħra ingħataw l-opportunita li jipparteċipaw fi djalogu dirett mal-Ministru għal Għawdex u l-Kap Eżekuttiv tal-MTA fejn id-diskussjoni iffukat ukoll fuq l-importanza ekonomika tas-settur turistiku, il-ħtieġa tat-tisħiħ fil-prodott kif ukoll fil-livell tas-servizzi li jingħataw it-turisti.

Permezz ta’ stands li ġew imwaqqfa apposta f’parti oħra tal-iskola sekondarja tas-subien, ser tingħata aktar informazzjoni lill-istudenti u l-ġenituri tagħhom, mill-entitajiet li qed jipparteċipaw flimkien ma’ operaturi ta’ stabilimenti turistiċi f’Għawdex. Dawn l-istands ser ikunu miftuħa sa’ nhar il-Ħadd 29 t’April. Dawn l-istudenti flimkien mal-ġenituri tagħhom ser ikunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fi żjajjar f’siti u stabilimenti turistiċi f’Għawdex li ser isiru permezz ta’ ‘open-top buses’.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow