Left arrow Mur Lura

PREŻENTAZZJONI TAR-RAPPORT TAR-RABA’ SENA ĦIDMA “FLIMKIEN NOĦOLQU X-XOGĦOL. GĦALIK.” MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, L-ONOR. MARIO GALEA

pr0939
Date Icon 26/04/2012

Matul dawn l-erba’ snin saret ħidma biex intejbu l-qagħda tal-anzjani.  Irridu li l-anzjani jibqgħu kemm jista’ jkun attivi fil-komunità. 

Minbarra li ħloqna xogħol għaż-żgħażagħ u għal min irid jidħol f’impjieg għall-ewwel darba, tajna d-dritt lil min jilħaq l-età tal-irtirar li jibqa’ jaħdem u xorta jieħu l-pensjoni. Qabel persuni li kienu jilħqu l-età tal-pensjoni kienu jitilfu l-pensjoni jekk jibqgħu jaħdmu.  Illum iktar minn 10,000 anzjan qed jaħdmu wara l-età tal-irtirar u xorta ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom.  U filwaqt li aktar anzjani qed jaħdmu, kompla naqas il-qgħad. 

F’dawn l-4 snin komplejna nżidu l-pensjonijiet.  Illum il-pensjoni hi €1,000 aktar milli kienet fis-sena 2008.  Lill-pensjonanti qed nagħtuhom żieda bħalma jieħdu l-ħaddiema tagħna.

Għall-ewwel darba f’pajjiżna ftaħna 2 night shelters: fil-Mellieħa u fiż-Żejtun u sadanittant komplejna niftħu aktar ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani.  Fil-fatt ftaħna 3 oħra biex illum hawn 19-il ċentru ta’ matul il-jum.

Eluf ta’ anzjani qed jagħmlu użu mis-servizzi fil-komunità li jgħinuhom ikunu indipendenti. Fost dawn ta’ min isemmi l-Meals on Wheels fejn qed nagħtu madwar 90,000 ikla fis-sena, is-servizz tat-Telecare li jintuża minn madwar 10,000 abbonat, il-Homehelp li minnu gawdew minnu kważi 4,000 anzjan u anzjana u s-servizz tal-Handyman li użawh kważi 2,000 persuna.  Qed nagħtu wkoll servizzi tas-saħħa personalizzata fid-djar tal-anzjani billi anzjani li jkollhom bżonn xi kura jingħataw servizz min-nurses permezz tal-Commcare.    Komplejna nżidu l-mediċini li jingħataw b’xejn u frixna l-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek biex illum 76,000 persuna qed jiġbru l-mediċini mill-ispiżerija tal-lokalità tagħhom.

Għall-ewwel darba din is-sena qed nagħtu €300 lil 13,000 anzjan u anzjana li qed jgħixu fid-dar tagħhom jew mal-familji tagħhom.

F’din il-leġislatura, fuq erba’ snin, żidna 800 sodda aktar għall-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu aktar fid-dar tagħhom. 

Komplejna biddilna r-Residenza San Vinċenz de Paul li llum tilqa’ fiha 1200 resident. Għamilna l-Blokka Ġwanni Pawlu II li tilqa’ 144 anzjan u anzjana li jbatu bil-kundizzjoni tad-dimensja.

Ftaħna wkoll Nursing Home għal madwar 100 anzjan u anzjana, f’Zammit Clapp.

Kuljum qed nonfqu €180,000 biex inżommu s-servizzi fil-komunità, id-djar tal-anzjani, ir-Residenza San Vinċenz de Paul, l-Isptar tar-Rijabilitazzjoni Karin Grech, u s-Swali tal-Ġerjatrija San Ġorġ Preca u Santa Bernardetta fejn matul din il-leġislatura nfetħu żewġ swali mill-isbaħ għall-anzjani tagħna.

Iktar minn 100,000 anzjan jużaw il-Kartanzjan li tagħtihom diversi benefiċċji fosthom qsim lejn Għawdex b’xejn u roħs qawwi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. 

L-għan tagħna hu biex l-anzjani u l-familji tagħhom ikollhom moħħhom mistrieħ.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow