Left arrow Mur Lura

MESSAĠĠ TAL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, L-ONOR. DR. JOE CASSAR, FL-OKKAŻJONI TAL-PREŻENTAZZJONI TAR-RAPPORT TAR-RABA’ SENA ĦIDMA

pr0938
Date Icon 26/04/2012

F’dawn l-aħħar erba’ snin komplejna żidna s-servizzi tas-saħħa. Illum int tista’ tuża aktar minn 4,000 servizz tas-saħħa - servizzi ta’ kwalità għolja u li huma b’xejn. 

Il-Gvern qed jinvesti aktar minn miljun ewro kuljum biex int, f’każ ta’ bżonn, issib servizz qrib tiegħek jew f’wieħed mill-isptarijiet tagħna.

Illum qed noffru servizzi ta’ kura primarja viċin tiegħek fi tmien ċentri tas-saħħa u 42 berġa. Is-sena li għaddiet offrejna ‘il fuq minn miljun servizz, li fost l-oħrajn kienu jinkludu eżamijiet mediċi minn tobba, kemm fil-post u anke fid-dar tal-pazjent. 

Żidna l-lista ta’ mediċini b’xejn li int tista’ tiġi bżonn. Illum noffru aktar minn 1,300 tip ta’ mediċina differenti b’xejn. Permezz tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek, 76,000 persuna qed jiġbru l-mediċini tagħhom b’xejn minn spiżerija li jagħżlu huma.

Irduppjajna il-mard kroniku inkluż fil-kartuna s-safra. Dan ifisser li issa aktar minn 124,000 persuna huma ntitolati għall-mediċini b’xejn. 

Jien persważ li int, sfortunatament, taf lil xi ħadd li ltaqa’ mal-marda tal-kanċer.  Anke hawnhekk, ħadna azzjoni.

Żidna l-mediċini kontra l-kanċer, investejna f’apparat tar-raġġi aktar modern, u qed nibnu Ċentru ġdid għall-kura tal-kanċer. Fl-2009 bdejna l-ewwel programm nazzjonali ta’ screening – dak tas-sider – u li permezz tiegħu diġà salvajna l-ħajja ta’ aktar minn 117-il mara – omm, oħt, bint jew il-mara ta’ xi ħadd – li kieku ma kienx għal dan il-programm x’aktarx kienu jindunaw tard wisq. Issa se jibda jsir screening għall-kanċer tal-musrana.

Fl-isptar Mater Dei żidna l-kura, it-tip ta’ operazzjonijiet li jsiru u l-eżamijiet mediċi li qed noffru lill-pazjenti. Fil-fatt, is-sena li għaddiet il-professjonisti u l-ħaddiema tal-isptar Mater Dei wasslu aktar minn 9 miljun servizz, b’xejn, lil kull min kellu bżonn. 

Komplejna nnaqsu iż-żmien ta’ stennija għall-operazzjonijiet u xahar wara l-ieħor qed inżidu n-numru ta’ pazjenti li jiġu operati fl-isptar. Is-sena li għaddiet saru aktar minn 43,000 operazzjoni, li hija żieda ta’ 11,000 operazzjoni fuq l-aħħar sena tal-isptar San Luqa.

Għamilna ftehim mal-privat dwar proċeduri differenti bħall-MRI u l-Katarretti.

Bl-operazzjonijiet ġodda li qed nagħmlu, qed issir differenza kbira fil-ħajja tan-nies. Dan jafu sew dak iż-żgħażugħ li għall-ewwel darba, wara operazzjoni innovattiva fl-isptar Mater Dei, jista’ jiċċaqqlaq kif irid, wara li snin ilu ltaqa’ mal-marda tal-parkinsons. Dan jafu sew il-missier li issa jista’ jisma lill-ibnu wara li saritlu dik li tissejjaħ il-bionic ear.

Investejna wkoll fit-taħriġ.

Tiftakar meta t-tobba ġodda Maltin kienu jsiefru biex jispeċjalizzaw, u mbagħad jagħżlu li jibqgħu barra minn pajjiżna?  Illum biddilna kompletament l-istorja, u l-maġġoranza tat-tobba Maltin qed jibqgħu jistudjaw hawn – f’pajjiżna.  Anzi, illum, bil-maqlub ta’ dak li kien jiġri qabel, għandna tobba barranin li qed jiġu jistudjaw hawn Malta.

Din is-sena wkoll se jkollna aktar minn 200 infermier ġdid, u professjonisti oħra li se jiggradwaw fix-xhur li ġejjin.

Dan il-Gvern dejjem kien ċar fil-politika tiegħu dwar is-saħħa.  B’dak li għamilna, il-Gvern u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, illum pajjizna hu rikonoxxut bħala wieħed mill-pajjiżi li jinsabu fuq quddiem nett fis-servizzi mediċi li joffri. U d-determinazzjoni tagħna hi li nkomplu nżidu u ntejbu s-servizzi għalik.

Il-Gvern japprezza l-ħidma tal-professjonisti u l-ħaddiema kollha li ħafna drabi issir fil-kwiet u mingħajr daqq tat-trombi.  Grazzi.

 Saħħtek prijorità -  Saħħtek għal Qalbna!

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow