AKTAR FAĊILITAJIET SPORTIVI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ GĦAWDXIN
“Fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex żidna aktar faċilitajiet ġodda li minnhom jistgħu jgawdu dawk kollha li jiffrekwentaw dan il-kumpless.” Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono waqt żjara li għamlet fil-kumpless sportiv fir-Rabat, fejn minbarra ż-żieda fil-faċilitajiet, saru wkoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni biex ikompli jiġi mtejjeb is-servizz li jingħata f’dan il-qasam f’Għawdex.
Ix-xogħol li sar riċentament jinkludi l-estensjoni tal-gym u weightlifting area eżistenti li wassal biex il-kumpless sportiv huwa aktar attrezzat b’apparat ġdid u modern, li jikkumplimenta x-showers u l-faċilitajiet sanitarji ġodda li saru aktar qabel. Dan kompla jattira 90 membru ġdid li bdew jużaw il-faċilitajiet tal-gym b’mod regolari, biex b’hekk hemm 232 membru rreġistrati.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex jikkordina ħidma fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex li għandu funzjoni ewlenija fil-promozzjoni tal-isport fost tfal, żgħażagħ u persuni aktar adulti f’Għawdex. Din hija funzjoni li ssostni wkoll l-objettivi tal-viżjoni eko-Għawdex li torbot mal-kunċett ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar. Hija spjegat kif matul din is-sena kompliet tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ aktar membri li jiffrekwentaw u jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-kumpless b’mod regolari, u kif għat-tlettax-il edizzjoni ta’ Skola Sport, f’Ottubru li għadda rreġistraw 180 student.
F’dan il-Kumpless jiġu pprattikati diversi dixxiplini sportivi u jinżammu wkoll lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika għal studenti tal-iskejjel sekondarji f’Għawdex. Jiġu koordinati wkoll attivitajiet sportivi oħra flimkien ma’ għaqdiet sportivi Għawdxin kif ukoll ma’ klabbs sportivi Maltin. Barraminhekk, fl-aħħar snin, f’dan il-kumpless ġew organizzati diversi tournaments u seminars li jattiraw parteċipazzjoni u attendenza minn dilettanti Għawdxin f’bosta dixxipplini fosthom il-futbol, il-badminton u l-arti marzjali.
Bħalissa qed jitkompla l-programm kontinwu ta’ ristrutturar u manutenzjoni f’dan il-kumpless sportiv uniku f’Għawdex, permezz ta’ xogħlijiet estensivi ta’ tiswija fuq is-saqaf.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017