DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT ĊENA STATALI AD UNUR L-EĊĊELLENZA TIEGĦU HEINZ FISCHER, PRESIDENT FEDERALI TAR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA, IT-TLIETA 24 TA’ APRIL 2012 - IL-PALAZZ, IL-BELT
Eċċellenza Tiegħek Dott. Heinz Fischer u s-Sinjura Fischer,
Onorevoli Prim Ministru,
Eċċellenzi,
Mistednin distinti,
Sinjuri,
Hu ta’ unur u pjaċir għalija nilqa’ f’Malta Lilek u lis-Sinjura Fischer, kif ukoll id-delegazzjoni tiegħek, f’din l-okkażjoni importanti ta’ din il-Viżita Statali. Għandi fiduċja li jkollkom esperjenza personali tal-ospitalità tradizzjonali ta’ pajjiżi u li ż-żjara tagħkom mhux biss tħalli l-frott imma tkun ukoll ta’ pjaċir. Nilqgħukom bil-kelma tradizzjonali Maltija “Merħba”.
Sa minn meta waqqafna r-relazzjonijiet diplomatiċi fl-1966, Malta u l-Awstrija gawdew sħubija eċċellenti mibnija fuq valuri komuni ta’ libertà, demokrazija u rispett lejn id-drittijiet umani. Il-kooperazzjoni bilaterali tagħna testendi sal-livelli kollha – bilaterali, multilaterali u reġjonali. Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea ipprovdiet dimensjoni ġdida ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Ir-rabtiet mill-qrib ta’ bejnietna huma msaħħa permezz ta’ żjajjar ta’ livell għoli minn żmien għal żmien, inkluża Viżita Uffiċjali mill-Onorevoli Prim Ministru Dott. Lawrence Gonzi, f’Diċembru tal-2009 li matulha kellu taħdidiet mal-kontroparti tiegħu, l-Eċċellenza Tiegħu Werner Faymann, Kanċillier Federali.
Ir-relazzjonijet tagħna ssaħħu wkoll permezz ta’ għadd ta’ ftehim bilaterali inkluż wieħed reċenti dwar rappreżentazzjoni reċiproka fil-ħruġ tal-viżi lit-turisti li ġie ffirmat waqt iż-żjara f’Malta mill-Viċi-Kanċillier u Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstrijak f’Novembru, fl-2010.
L-iskambji kummerċjali bejn Malta u l-Awstrija, għalkemm għadhom pjuttost modesti bħala volum, huma inkuraġġanti. Il-fluss tal-importazzjoni u l-esportazzjoni baqa’ kostanti fl-aħħar snin, bl-esportazzjoni minn Malta tilħaq madwar 30% tal-importazzjoni minn pajjiżek. Ikun ta’ benefiċċju kieku n-negozji taż-żewġ naħat ifittxu modi kif jissaħħu l-iskambji ekonomiċi. Il-Malta Business Forum li ġie organizzat fi Vjenna f’Jannar, fl-2010 u dak li qed jiġi organizzat fil-marġini taż-żjara tiegħek huma eżempji ta’ x’jista’ jsir biex jinstabu toroq ġodda għall-kooperazzjoni.
Eċċellenza,
Iż-żewġ pajjiżi tagħna huma għonja fl-istorja, il-kultura u l-pajsaġġ naturali li jirrenduhom attraenti għall-viżitaturi u addattati biex isostnu industrija turistika fjorixxenti. Malta u l-Awstrija għandhom attrazzjonijiet differenti u filwaqt li ħafna Maltin iħobbu jżuru l-Awstrija bħala pajjiż fil-qalba tal-Ewropa bi ħdura u pajsaġġ muntanjuż, l-Awstrijaċi jiġu jesploraw arċipelagu fejn il-kultura Mediterranja titħallat max-xemx u mal-baħar. Madwar 20,000 ċittadin Awstrijak iżur Malta kull sena. Wieħed jixtieq jara aktar Awstrijaċi jiġu fi xtutna, inklużi studenti għal korsijiet ta’ żmien qasir jew itwal fil-lingwa Ingliża, fl-iskejjel tagħna. Fuq din il-materja, il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ code-sharing bejn l-Air Malta u l-Austrian Airlines li sar fl-2010, li jipprovdi għal titjiriet aktar frekwenti bejn Malta u Vjenna, kien pass pożittiv ħafna.
It-tkabbir ekonomiku huwa dejjem essenzjali u aktar u aktar mixtieq fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali. L-investiment barrani dirett huwa forma mill-aktar importanti ta’ kooperazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi. Is-sħubija komuni tagħna fl-Unjoni Ewropea tipprovdi qafas aħjar fejn dan jista’ jseħħ għall-benefiċċju taż-żewġ ekonomiji tagħna. Inħossni sodisfatt ferm li l-livell ta’ investiment Awstrijak f’Malta huwa sostanzjali. Settur tal-investiment li kiber f’Malta f’dawn l-aħħar snin huwa dak tas-servizzi finanzjarji u nieħu gost ninnota li għadd ta’ banek Awstrijaċi ilhom jaħdmu Malta għal xi żmien. Wieħed jieħu pjaċir jekk jara aktar interess Awstrijak f’dan is-settur u f’oqsma oħra tal-industrija tas-servizzi finanzjarji.
Hemm ukoll xi parteċipazzjoni Awstrijaka fl-industrija tal-manifattura li tispeċjalizza fl-injection-moulding, l-elettronika u l-farmaċewtika.
Peress li Malta hija gżira u t-turiżmu huwa wieħed mill-industriji strateġiċi tagħna, l-ajruport huwa waħda mill-ħoloq vitali tagħna mad-dinja u għodda ekonomika kruċjali. Is-sehem tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Vjenna fl-ajruport tagħna kien suċċess notevoli. Il-kumpanija għamlet żieda fil-qligħ u ntgħażlet bħala l-aħjar ajruport fl-Ewropa minn sondaġġ tal-passiġġieri dwar servizz ta’ kwalità fl-2011. Huwa eżempju ċar ta’ investiment Awstrijak li kellu suċċess kbir fl-ekonomija ta’ Malta u li għandu jkun ta’ inkoraġġiment lill-investituri Awstrijaċi oħrajn interessati li jfittxu aktar possibilitajiet f’setturi oħra.
Insibha ħaġa sinifikattiva, Sur President, li delegazzjoni tan-negozju qegħda takkompanjak waqt din iż-Żjara Statali. 229 kumpanija huma reġistrati mal-Malta Financial Services Authority bħala li għandhom interess Awstrijak. Jiena fiduċjuż li l-Business Forum li qed isir fil-marġini ta’ din il-viżita, flimkien max-xogħol li jsir mill-Ambaxxati tagħna u l-entitajiet Statali, sejjer ikattar ir-relazzjonijiet tan-negozju tagħna.
Eċċellenza,
B’dawn il-modi kollha, mela, l-impenn tagħna hu li nkomplu nsaħħu s-sisien tas-sħubija tagħna u ż-żjara tiegħek u t-taħdidiet tagħna żgur li se jwassluna lejn din id-direzzjoni. Malta tħares ’il quddiem bil-ħerqa sabiex tkompli tikkoopera mal-Awstrija fix-xhur li ġejjin għall-ġid taż-żewġ Popli tagħna.
Nixtieq issa nistieden lil dawk kollha preżenti biex jingħaqdu miegħi fi brindisi bis-saħħa tiegħek, Sur President, bis-saħħa tas-Sinjura Fischer, u b’risq il-kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewg pajjiżi tagħna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017