PROĠETT EDUKATTIV-SPORTIV F’SAN ĠWANN
Trasferiment ta’ Art lill-Klabb tal-Football ta’ San Ġwann
Il-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u bil-kollaborazzjoni tan-Nursery ta’ San Ġwann Football Club se jidħlu għal proġett Sportiv-Edukattiv f’San Ġwann bl-iskop li dan iservi bħala ċentru għall-familji u partikolarment għat-tfal ta’ din il-lokalità.
Il-Ministri Dolores Cristina u George Pullicino taw dettalji tal-proġett waqt żjara li għamlu fin-nursery ta’ San Ġwann, lokalita b’ popolazzjoni relattivament żgħażugħa b’numru kbir ta’ tfal.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu biċċa art mhux żviluppata li min-naħa tmiss mal-iskola primarja tal-lokal u parti oħra tmiss man-Nursery li tilqa’ fiha aktar minn 400 tifel li jattendu għal attivitajiet sportivi. Fuq din l-art se jinbena Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal u estensjoni tal-Kindergarten tal-iskola.
Parti oħra minn din l-art se tingħata lin-Nursery biex fuqha tibni dressing rooms u faċilitajiet oħra li jkunu għas-servizz tat-tfal li jattendu fiha.
Il-Ministru Dolores Cristina qalet li wara li saret talba mill-Klabb ta’ San Ġwann, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħass li din il-biċċa art tista’ tkun żviluppata biex tkun ta’ servizz għall-komunita’. Barra minn dan qed isiru diskussjonijiet bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u n-Nursery biex fil-post isiru attivitajiet wara l-ħin tal-iskola fuq il-mudell tal-Klabb 3-16 biex ġenituri li jaħdmu jkunu jistgħu jħallu ‘l uliedhom f’ambjent tajjeb u jipparteċipaw f’attivitajiet li jagħmlulhom il-ġid.
Inħarsu lejn l-isport bħala attività li jixirqilha kull appoġġ kemm għall-valur intrinsiku tagħha kif ukoll għall-valur edukattiv u soċjali tagħha. L-isport barra li hu tajjeb għal saħħet il-bniedem, f’dan il-każ tfal, għandu wkoll valur edukattiv u soċjali billi joffri lit-tfal l-opportunità li jiltaqgħu, jilgħabu u jitkellmu flimkien, bogħod mill-periklu u b’serħan il-moħħ għall-ġenituri.
L-isport tant għandu importanza li barra li hemm ħin dedikat għalih fl-iskejjel bħala parti mill-kurrikulu u hemm faċilitajiet fl-iskejjel biex l-isport ikun prattikat anke waqt il-ħin tal-brejk, qed tingħata wkoll valur l-attività sportiva li ssir barra mill-iskola, bħal per eżempju f’din in-nursery, billi l-parteċipazzjoni tat-tfal fl-isport wara l-ħin tal-iskola se tkun tidher ukoll fiċ-Ċertifikat li jingħataw fi tmiem is-Sekondarja.
Il-Gvern jagħti importanza kbira lill-isport. Fil-fatt it-trasferiment ta’ din l-art lill-Klabb ta’ San Ġwann se tkun il-130 biċċa art li l-Gvern għadda lil xi għaqda sportiva li b’kollox jiswew €48 miljun.
Din is-sena, l-għaqdiet sportivi qed igawdu minn 26 skema ta’ assistenza u pakkett rekord ta’ €8 miljuni. Barra minn dan hemm 34 għaqda sportiva qed jużaw il-faċilitajiet sportivi f’16-il skola tal-istat.
Il-Gvern se jiftaħ ukoll skola ġdida tal-isport, biex uliedna jirnexxu fl-isport ukoll. Dan kollu juri l-impenn tal-Gvern favur il-promozzjoni tal-isport u l-ġid tat-tfal Maltin u Għawdxin, temmet il-Ministru Cristina.
Il-Ministru tar-Rizorsi u Affarijiet Rurali, George Pullicino qal li l-Gvern se jgħin f’dan il-proġett kemm b’għajnuna teknika billi lesta l-pjanti li diġa’ qegħdin quddiem il-MEPA, kif ukoll f’xogħol ta’ skavar . L-MRRA f’dawn l-aħħar snin għen numru ta’ għaqdiet sporitvi u 15-il ground tal-football bħal f’Ħad dingli, Mqabba, Zurrieq.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern ma jgħinx biss f’faċilitajiet sportivi imma wkoll fi proġetti oħra u f’San Ġwann qed jinbena masġar ġdid taż-żebbuġ bl-għajnuna tar-residenti tal-lokalità li min-naħa tagħhom diġa’ offrew is-siġar kollha li se jitħawwlu fih.
Il-Ministri Cristina u Pullicino faħħru l-impenn tal-amministrazzjoni ta’ San Ġwann Football Club u partikolarment ta’ min imexxi din in-nursery għall-ġid kbir li qed jagħmlu fost it-tfal li jattendu f’dan il-post u l-familji tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017