TRAKKA ĠDIDA TAL-KARTING F’ĦAL FAR
Se tilqa’ fiha numru ta’ dixxiplini tal-isport awtomobilistiku
L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport żar it-trakka l-ġdida tal-karting f’Ħal Far. Din it-trakka saret b’investiment tal-Gvern ta’ €150,000 wara ftehim milħuq mal-Malta Motorsport Federation u l-Malta Drag Racing Association. It-trakka, li tinsab biswit it-trakka tal-kwart ta’ mil, hija adekwata għal taħriġ u kompetizzjonijiet tal-Karting kif ukoll tal-Mini Motos, Quad Bikes, Motards, Scooters, kif ukoll iservi ta’ użu għal dawk il-vetturi li jipparteċipaw fil-Hill Climbs u Drifting.
Dan l-investiment ta’ €150,000 jinkludi x-xiri tal-barriers; ix-xiri tad-dawl għat-trakka, titjib fit-trakka tal-kwart ta’ mil u x-xiri ta’ generator. Din it-trakka għandha d-daqs u l-konfigurazzjoni meħtieġa biex tilqa’ attivitajiet internazzjonali u saret fuq pariri mogħtija minn espert internazzjonali appuntat mill-Malta Motorsport Federation li għamel ukoll id-disinji tagħha.
L-Onor Puli fakkar li minbarra l-fondi għall-proġett ta’ bini ta’ ċirkwit għall-motorsports imħabbar fl-aħħar bagit, fl-aħħar erba’ snin il-Gvern u l-entitajiet tiegħu għenu lill-Motorsport permezz ta’ diversi inizjattivi. Fost dawn l-inizjattivi kien hemm 95% sussidju tal-kirja fuq art mgħoddija lill-klabbs u Federazzjonijiet tal-motorsport, għajnuna finanzjarja biex ġew organizzati diversi attivitajiet tal-Motorsport fosthom Paqpaqli għall-Istrina, Mdina Grand Prix, Gozo Grand Sprint u JDM Allstars European Drifting Championship 2011. Hu tenna li ma’ dawn kien hemm ukoll il-finanzjament biex il-Malta Motorsport Federation torganizza korsijiet lis-sewwieq u marshals bi sħab mal-Federation Internationale de l’Automobile (FIA), għajnuna diretta mill-iskema ta’ Youth Development lil Gianluca Dingli u skemi fiskali li minnhom igawdu direttament is-sidien tal-vetturi klassiċi u sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari qal li kien hemm ukoll numru ta’ artijiet pubbliċi li għaddew għand l-għaqdiet tal-motorsport għall-użu tagħhom jew li qed jintużaw għal dan l-isport. Fost dawn l-artijiet hemm dik tal-Malta Drag Racing Association – Il-Kwart ta’ Mil f’Ħal Far, tal-Assoċjazzjoni Sport Muturi f’Ta’ Qali, tal-Island Karting Club f’Ħal Far u L-Barriera tal-Aħrax fil-Mellieħa għall-Off-Road Motorsport.
Tkellem ukoll il-President tal-Malta Mootorsport Federation, is-Sur Tonio Cini li rringrazzja lill-Gvern u l-Kunsill Malti għall-iSport għall-koperazzjoni u l-appoġġ kontinwu tagħhom favur il-Motorsport.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017