Left arrow Go Back

OPPORTUNITÀ LILL-INKWILINI F’POSTIJIET TAL-GVERN BIEX ISIRU SIDIEN TA’ DJARHOM

pr0908
Date Icon 23/04/2012

Il-Gvern u l-Awtorità tad-Djar qed jagħtu opportunità lill-inkwilini f’residenzi tal-Gvern, fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Floriana, il-Marsa u l-Kottonera, biex isiru sidien ta’ darhom. L-iskema ‘Sid ta’ Darek, Ninvesti fid-Dar Tiegħi’ hi intiża b’mod partikolari lill-inkwilini li jgħixu f’residenzi tal-Gvern mibnija wara t-Tieni Gwerra Dinjija fuq art fejn il-bini oriġinali kien twaqqa’ konsegwenza tal-bumbardamenti.

Il-Gvern, permezz tad-Dipartiment tal-Artijiet, qed jikkuntattja lis-sidien oriġinali ta’ dawk l-artijiet li eventwalment kienu ttieħdu mill-Gvern sabiex inbena housing soċjali, sabiex jixtri mingħandhom it-titolu tal-artijiet. Ladarba jakkwistahom, dawn ir-residenzi qed jiġu offruti lill-inkwilini preżenti.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said u l-Ministru tal-Kompetizzjoni Ġusta u l-Konsumatur Jason Azzopardi.

Il-Ministru Jason Azzopardi qal li fi 15-il xahar, bejn Jannar 2011 u Marzu 2012, il-Gvern ħallas għall-ewwel darba €2.7 miljun għall-fidi ta’ kirjiet ta’ postijiet mibnija fuq art li ġiet esproprjata taħt it-titlu tal-Posession and Use, eżatt wara t-tieni gwerra peress li kien iġġarraf il-bini fuqha. Dan apparti l-ħlasijiet normali li jsiru kull sena fuq espropjazzjoni. B’hekk b’kollox tħallsu 800 propjetarju li jfissru ‘l fuq minn 4,000 eredi. Fil-budget ta’ din is-sena l-Gvern alloka €1.8 miljun għal dan il-ħlas. Wara li d-Dipartiment tal-Artijiet ħallas lis-sidien oriġinali tal-art fil-Kottonera u l-Belt Valletta, dawn il-proprjetajiet għaddew għand l-Awtorità tad-Djar biex din issa hija f’pożizzjoni li toffrihom għall-bejgħ lir-residenti tal-lum bi prezzijiet imraħħsa ferm.

Il-Ministru Azzopardi qal li dan huwa Gvern li jimpurtah mir-ruħ soċjali u qed jaħdem bis-sħiħ, sabiex aktar inkwilini jsiru sidien ta’ djarhom biex b’hekk ikollhom dar x’jistgħu joffru lil uliedhom u lill-eredi tagħhom.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Chris Said spjega li issa li l-Gvern qed jixtri l-art u l-binjiet in kwistjoni mingħand is-sidien oriġinali, qed ikun possibbli li l-inkwilini eżistenti jixtru r-residenzi tagħhom direttament mingħand il-Gvern. Hu qal li l-Iskema Ninvesti fid-Dar Tiegħi hi intiża biex tħajjar inkwilini ta’ proprjetà tal-Gvern jsiru sidien ta’ darhom u jkomplu jużawhom bħala residenza tagħhom. Huwa qal li persuna tikkwalifika biex tapplika biex tixtri dar ta’ abitazzjoni tal-Gvern jekk:


1. tkun il-kerrejja rikonoxxuta tal-fond li fuqu tkun qed tapplika;
2. tkun ċittadina Maltija jew tal-Unjoni Ewropea. F’każ ta’ ċittadini tal-UE jridu jkunu qed jakkwistaw l-ewwel residenza tagħhom f’Malta;
3. tkun residenta f’Malta u tkun ilha tgħix f’dik ir-residenza partikolari għal mill-anqas seba’ snin konsekuttivi.

Ġie spjegat illi l-prezz tax-xiri jkun stabbilit mis-suq iżda l-inkwilini jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal sussidju.

F’każ li persuna li tgħix f’post tal-Gvern, tikkwalifika għal din l-iskema, tixtieq tixtri l-post mingħand il-Gvern, u m’għandhiex assi ta’ aktar minn €100,000, allura din tingħata sussidju ta’ bejn il-50 fil-mija u l-65 fil-mija. Is-sussidju li jingħata jiddependi minn kemm il-kerrej rikonoxxut ilu jgħix f’dik l-abitazzjoni.

Kerrej rikonoxxut għal  Aktar minn 20 sena Bejn 15 u 20 sena Bejn 10 u 15-il sena Bejn 7 u 10 snin
Sussidju ta’  65% 60% 55% 50%

Numru ta’ kundizzjonijiet huma marbuta mal-bejgħ tar-residenzi.  Fost l-oħrajn, ir-residenzi mixtrija taħt din l-iskema

 għandhom jintużaw biss mix-xerrejja bħala residenza ordinarja tagħhom għal perjodu ta’ mhux anqas minn 10 snin.

 ma tistax tiġi trasferita bl-ebda titolu inter vivos qabel l-għeluq tal-10 snin mid-data tal-kuntratt finali

 meta t-trasferiment ikun se jsir qabel il-perjodu tal-10 snin, il-benefiċjarju għandu jirrifondi lill-Awtorità kull sussidju gawdut.

It-trasferiment ta’ dawn ir-residenzi mingħand il-Gvern lill-inkwilini jkun eżentat mit-taxxa fuq id-dokument u t-trasferiment fejn jirrigwarda l-ammont imnaqqas skont l-iskema mill-prezz kummerċjali tad-dar trasferita.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Awtorità tad-Djar. L-Uffiċċju tal-Customer Care jilqa’ l-pubbliku nhar ta’ Tnejn, Tlieta, Ħamis u l-Ġimgħa bejn it-8am u l-1130am.  In-numru tal-Customer Care 22991100 ikun miftuħ kuljum bejn is-1.30pm u l-4pm.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow