STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR.
Il-Partit Laburista jkompli jgħawweġ l-fatti u jagħti l-gambetti lill-investituri privati
- Ħareġ tender pubbliku
- Sar proċess trasparenti
- Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jista’ jibqa’ juża l-faċilitajiet.
L-oppożizzjoni Laburista mhix tgħid il-verita’u qed tipprova tagħti l-gambetti lill-investituri privati.
Bil-kontra ta’ dak li qal id-deputat Laburista Michael Falzon dwar art f’Ħal Far, id-Dipartiment tal-Artijiet ħareġ tender pubbliku sentejn ilu u sar proċess trasparenti. Għalhekk l-argumenti u l-konklużjonijiet li għamel Michael Falzon huma totalment żbaljati.
Bil-kontra ta’ dak li qal Michael Falzon, id-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili xorta jista’ jibqa’ juża l-faċilitajiet.
Hu ċar li l-Oppożizzjoni Laburista pruvat tgħawweġ il-fatti, tivvinta u tallega affarijiet li mhux minnhom u waslet għal konklużjonijiet żbaljati.
Filwaqt li bid-diskors l-Oppożizzjoni tgħid li tagħti appoġġ lill-investiment privat, bil-fatti qed tagħmel il-gambetti. Dott. Muscat jgħid ħaġa u jagħmel oħra.
F'konferenza tal-aħbarijiet l-Parit Laburista, wera fic-ċar li ma jafx il-fatti bażiċi dwar il-faċilitajiet f'Ħal Far li ngħataw b’ċens temporanju skont il-liġi u b'mod trasparenti lill-kumpanija privata li tispeċjalizza f'korsijiet ta' taħrig ta' Fire Safety.
Il-Partit Laburista kompla jqarraq u jigdeb meta qal li ma nħareġ l-ebda tender. Fil-fatt ħareġ tender pubbliku mid-Dipartiment tal-Artijiet f'April 2010. Dan kien proċess pubbliku u trasparenti. It-tender kien aġġudikat fl-istess sena lill-uniku offerent, li kienet International Safety Training Centre Ltd.
Mhuwiex minnu illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jistax jibqa' juża l-faċilitajiet ta' dan il-post, kif allega l-Partit Laburista dalghodu. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien juża l-art immarkata C fil-mappa annessa u se jkun jista’ jibqa’ juża l-art, kif ilu jagħmel għal diversi snin. L-art fiha 23,080 metru kwardru. Il-fatti huma li fis-7 ta'April tal-2000 sar ftehim bejn id-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili u l-International Safety Training Centre Limited sabiex l-art B u D tkun tista' tintuża minn din il-kumpanija privata u l-kumpanija tħallas Lm7,000 fis-sena, apparti ħlas ieħor dovut għal kull partiċipant f'korsijiet ta' taħriġ.
Fil-11 ta 'April ta' din is-sena sar il-kuntratt bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u l-International Safety Training Centre Limited wara li ħareġ t-tender pubbliku fl-2010 għal emfitewsi ta' 50 sena bi ħlas ta' ċens ta' 33,000 ewro fis-sena. L-International Safety Training Centre Limited kienet l-unika kumpanija li għamlet offerta għal dan it-tender pubbliku.
L-artijiet mmarkati B u D ilhom fil-pusess ta' din il-kumpanija privata sa mill-2000 bil-ftehim li kien sar mad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivli biex setgħet tinvesti u toħloq ix-xogħol.
Tul is-snin li l-kumpanija kienet qed tuża s-sit investit 'il fuq minn miljun Ewro fuq dan is-sit sabiex jiġi upgraded, jkun ta' livell ogħli u ssirlu l-maintanance meħtieġa . Dan l-investiment jinkludi Pool area, Fire Demo area, Heli Pad area, Ship simulation area, Fire Drill area u Pump Room kif ukoll installazjonijiet oħra mekkaniċi u elettroniċi. Dan sar sabiex il-kumpanija tippromwovi Malta barra minn pajjiżna bħala ċentru ta' eċċellenza f'dan is-settur. Il-kumpanija kompliet ukoll iżżid l-impjiegi tagħha matul dawn is-snin.
L-argumenti żbaljati li għamlet dalgħodu l-oppożizzjoni juru biċ-ċar li l-Partit Laburista huwa xkiel għall-investiment privat. Dan huwa l-istess partit li jiftaħar kemm se jibża' għan-negozji u fl-istess waqt jitfa’ tajn u dubbju fuq l-investiment li għamel il-privat f'dan il-każ. Dott Muscat jgħid li hu safe għas-self employed u għan-negozji ż-żghar u fl-istess ħin joħnoq u jifga' lil dan is-settur b'allegazzjonijiet fiergħa, irresponsabbli u li jagħmlu ħsara.
L-Oppożizzjoni m'għandha ebda jedd tfixkel l-investiment tal-privat, titfa' dell fejn m'hemmx, u tiżra d-dubbju fejn m'hemmx bazi.
Dan jixhed l-inkompetenza u n-nuqqas ta' serjeta li jħaddan il-Partit Laburista. Il-Partit Laburista flok ix-xogħol u l-impjiegi joħloq ix-xkiel u jagħti l-gambetti lis-settur privat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017