TIŻDIED L-GĦAJNUNA ADDIZZJONALI GĦAL STUDENTI GĦAWDXIN F’MALTA
Il-Ministeru għal Għawdex għadu kif ipproċessa pagamenti marbuta ma’ skema ta’ għajnuna addizzjonali li tingħata lil studenti Għawdxin li jkunu qed ikomplu bl-istudji terzjarji jew vokazzjonali f’Malta. Dawn il-pagamenti jirriflettu żieda fl-ammont li jingħata kull student kif ukoll l-eliminazzjoni ta’ distinzjoni li kienet issir bejn studenti Universitarji u studenti oħra.
B’hekk kull student Għawdxi li jkun qed ikompli bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta, jew ċentri tal-MCAST jew l-ITS f’Malta, ser jibda jingħata għajnuna li tlaħħaq €400 kull tlett xhur matul is-sena akkademika. Dan ser ifisser li kull student li hu eliġibli għal għajnuna taħt din l-iskema ser ikun qed jingħata għajnuna addizzjonali ta’ €1200 kull sena minbarra l-istipendju li jingħata fuq bażi nazzjonali.
‘Il-Ministeru għal Għawdex jirrikonoxxi l-ispiża li jidħlu għaliha l-ġenituri ta’ studenti Għawdxin li jkomplu jistudjaw f’Malta u din l-inizjattiva torbot mal-inizjattiva li ġiet meħuda snin ilu biex jittafa dan il-piż filwaqt li jservi wkoll bħala inċentiv biex aktar żgħażagħ Għawdxin ikomplu fl-istudji terzjarji jew vokazzjonali tagħhom’. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex meta ħabbret l-ewwel pagament li qed jitħallas taħt l-iskema l-ġdida li jkopri l-perjodu Jannar-Marzu 2012.
Ġie wkoll faċilitat il-proċess li bih kull student japplika għal din l-għajnuna. L-applikazzjoni relattiva timtela fil-bidu ta’ kull sena skolastika u hija aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għal Għawdex www.gozo.gov.mt. Barra minhekk mhux ser ikun meħtieġ li l-istudenti jippreżentaw il-biljetti tal-vapur kif kien isir sa issa.
Ċifri attwali juru li hemm 1035 student Għawdxi li qed isegwu korsijiet fl-Università ta’ Malta li jfisser id-doppju ta’ dawk li kienu jattendu 10 snin ilu. Hemm ukoll 181 student li jattendu ċ-ċentri tal-MCAST f’Malta meta fl-2001 kien hemm biss 5. Fl-istess waqt fiċ-ċentri tal-MCAST f’Għawdex qed jattendu 243 studenti u fl-ITS f’Għawdex l-istudenti telgħu għal 82 minn 26 fl-2001.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017