MESSAĠĠ MILL-ONOR. GIOVANNA DEBONO MINISTRU GĦAL GĦAWDEX DWAR IR-RAPPORT TAR-RABA’ SENA ĦIDMA
Flimkien, noħolqu x-xogħol. Għalik
F’dawn l-erba’ snin f’Għawdex iffukajna fuq il-ħolqien tax-xogħol, iż-żieda fl-attività ekonomika fosthom fit-turiżmu, aktar opportunitajiet fl-edukazzjoni għat-tfal u għaż-żgħażagħ, inizjattivi ġodda fil-qasam soċjali u dak tas-saħħa kif ukoll titjib tal-ambjent.
Illum il-ħaddiema f’Għawdex żdiedu fuq dawk li kienu fl-2008. Il-qgħad hu anqas. Għal kull 100 persuna taħdem f’Għawdex fl-2008, illum għandna 105.
L-impjiegi żdiedu għaliex ħdimna għalihom. Flimkien ovvjament mas-settur privat.
L-employers Għawdxin, f’dawn l-aħħar erba’ snin talbu lill-ETC biex tibgħatilhom 2,290 ħaddiem biex jaħdmu magħhom u l-ETC sabet post tax-xogħol lil 700 ħaddiem permezz ta’ placement dirett.
Kważi 4,000 ħaddiem attendew korsijiet tal-ETC.
Kellna wkoll 700 mara u omm li gawdew mill-iskema ta’ tnaqqis ta’ sena mill-income tax għaliex baqgħu f’impjieg.
Sa issa 230 sid ta’ negozju f’Għawdex gawdew mill-iskema Microinvest. Dawn qed jinvestu €2 miljun u se jiffrankaw aktar minn miljun ewro fi tnaqqis fl-income tax.
Għat-tfal u ż-żgħażagħ irranġajna l-iskejjel, bnejna u ftaħna skola sekondarja ġdida għal 700 student. Għamilna Istitut għall-Istudji Turistiċi ġdid, u żidna l-faċilitajiet fiż-żewġ ċentri tal-MCAST u fil-Kampus tal-Università f’Għawdex.
Illum l-istudenti li jkomplu bl-istudji l-Università huma d-doppju ta’ li kienu għaxar snin ilu.
L-istudenti kollha li jistudjaw Malta qed jingħataw għajnuna oħra ta’ €400 kull 3 xhur, u dan minbarra l-istipendju.
Saħħaħna s-servizzi tas-saħħa b’taqsima ġdida tar-radjoloġija. Il-pazjenti qed jinqdew Għawdex b’apparat ġdid u modern li hu llinkjat mal-isptar Mater Dei.
Bdejna l-Breast screening Programme u sa issa għandna madwar 500 mara illi diġà għamlu mammogramm bl-apparat ġdid illi għandna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex;
F’anqas minn sena saru aktar minn 1400 CT scan. Komplejna nnaqsu kemm stajna l-iskariġġ għal Malta, partikolarment għall-persuni li għandhom il-kanċer.
Bnejna mill-ġdid diversi toroq arterjali inkluż it-triq mir-Rabat għal San Lawrenz, it-triq tax-Xlendi, it-Triq Ta’ Pinu, it-Triq mix-Xatt sax-Xewkija u issa qed jitkompla wkoll mix-Xewkija sar-Rabat. Bnejna wkoll it-triq tad-Dwejra, it-triq tar-Ramla, u għamilna bosta toroq residenzjali oħra.
Qed noħolqu aktar spazji għall-familji bit-tisbiħ tal-Villa Rundle, il-ġnien tat-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, l-Imġarr Grove taħt Chambray ix-Xatt, u qed isiru xogħlijiet oħra fil-Qortin tax-Xagħra, il-Qortin ta’ Isopu fin-Nadur u Ulysses Grove fix-Xewkija. Sebbaħna r-roundabouts u s-softareas u bnejna mill-ġdid diversi ħitan tas-sejjieħ li komplew isebbħu l-inħawi rurali f’Għawdex.
Komplejna wkoll il-proġett ta’ restawr tas-swar taċ-Ċittadella.
Ġew restawrati torrijiet storiċi, il-kappella ta’ Santa Ċeċilja, id-dar tal-Granmastru fid-daħla tar-Rabat, statwi, niċeċ u anke siti oħrajn.
Bdejna l-proġett taż-Żewwieqa Waterfront;
Lil Għawdex qed nibdluh fi gżira ekoloġika. U qed nużaw aħjar ir-riżorsi naturali. Fil-fatt sar tindif f’għadd ta’ widien, ġew irranġati lqugħ tal-ilma u nbnew ġibjuni ġodda li permezz tagħhom żdiedet il-ħażna tal-ilma tax-xita għal bdiewa.
Għamilna kampanji edukattivi dwar żvilupp sostenibbli, qassamna 13,000 water saving kit lill-familji Għawdxin. Żidna s-sistema ta’ pannelli fotovoltaiċi fuq il-bejt tal-Ministeru.
U llum nistgħu ngħidu li għandna 325 familja Għawdxija illi ngħataw għajnuna finanzjarja biex xtraw solar water heaters jew pv panels.
Qed nibdlu l-farm tal-gvern f’ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u Ħarsien Ambjentali;
Lestejna l-biċċerija;
Saħħaħna t-turiżmu b’aktar reklamar. Ġibna cruiseliners jieqfu qrib Għawdex. Illum il-gżira tagħna hi rikonoxxuta bħala destinazzjoni popolari fil-qasam tad-diving.
Organizzajna attivitajiet kulturali, u anke saru konferenzi internazzjonali ġewwa Għawdex.
Żdied u ser ikompli jiżdied l-ispazju għall-karozzi fuq il-vapuri tal-Gozo Channel. Saret sistema kompletament ġdida ta’ trasport pubbliku f’Għawdex.
U rrid ngħid ukoll li fil-qasam socjali twaqqaf l-ewwel ċentru biex jgħin familji li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet; bdejna l-programm Homestart, ftaħna ċ-Ċentru Santa Marta għal persuni b’diżabilità li joffri s-servizzi kollha taħt saqaf wieħed. Saħħaħna s-servizzi personalizzati għall-anzjani fid-djar tagħhom.
Ħdimna biex int tgħix aħjar f’Għawdex, biex jiżdidulek l-opportunitajiet f’Għawdex, biex żidna n-negozju f’Għawdex minkejja l-kompetizzjoni, biex f’Għawdex ikollna ambjent isbaħ, u biex noffru servizzi aħjar f’Għawdex fl-edukazzjoni, fis-saħħa u oqsma soċjo ekonomiċi oħra.
Il-Messaġġ tal-Ministru u r-rapport tal-Ministeru jinsabu online fuq; www.opm.gov.mt/mgoz2012
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017