TNAQQIS TA’ BUROKRAZIJA U AKTAR NIFS LIN-NEGOZJU
"Dan huwa Gvern li jimpurtah u li qed jaħdem bis-sħiħ sabiex inaqqas il-burokrazija fost in-negozji Maltin u Għawdxin". Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi dalgħodu, meta kien qed iħabbar proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposti li jemendaw regolamenti dwar il-liċenzji tal-kummerċ.
Il-Ministru Azzopardi qal li qed jiġi propost illi l-proċess ikun wieħed ferm aktar trasparenti u effiċjenti. "Irridu li n-negozji jinqdew malajr sabiex ikunu jistgħu jiftħu l-istabbilimenti tagħhom f’qasir zmien, jiffrankaw il-ħin fil-mili ta’ karti u formoli u jkomplu jnaqqsu l-ispejjeż”. Il-Ministru Azzopardi spjega fid-dettall sitt miżuri ġodda li qed jiġu proposti. Dawn jinkludu:
1) Proċess ta’ notifika minflok applikazzjoni; fejn qed jiġi propost li dawk l-attivitajiet li ma jinvolvux l-ebda konsiderazzjoni pubblika jew kunsiderazzjoni ta’ saħħa jew ambjent ma jkollhomx bżonn iżjed permessi mid-Dipartiment tal-kummerċ sabiex joperaw iżda jkunu obbligati li jinfurmaw id-dipartiment permezz ta’ formola ta’ notifika fi żmien 30 ġurnata,
2) Jiġu faċilitati l-ħlas ta’ pagamenti; fejn qed jiġi propost illi l-ħlas tal-liċenzja ssir flimkien mal-formola ta’ notifika minflok l-proċess ikun wieħed twil fejn wara li d-dipartiment tal-kummerċ ikun assessja l-applikazzjoni, jinforma l-applikant li din se tkun qed tinħareġ la darba tiġi mħallsa l-liċenzja,
3) Tneħħija ta’ obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dokumentazzjoni mal-formola tal-applikazzjoni, fejn qed jiġi propost li l-obbligu li tissottometti kopja tal-permess tal-MEPA flimkien mal-kopja tal-floorplan tal-bini kummerċjali titneħħa. Minflok l-applikant se jintalab biss li jipprovdi n-numru tal-permess tal-ippjanar maħruġ mill-istess MEPA.
4) Roħs fil-miżati tal-liċenzji. Bil-proviżjoni attwali, il-miżata tal-liċenzja ta’ post kummerċjali utilizzat għall-manifattura jew ta’ post kummerċjali li jeċċedi footprint ta’ 800m2 hija ikkalkulata bħala 5% tal-valur tal-kera tal-bini. Qed jiġi propost li l-miżata tal-liċenzja ta’ tali postijiet tkun ta’ massimu ta’ €1,000. Dan isarraf fi gwadann ta’ €164 fuq il-minimu attwali
5) Kanċellazzjoni tal-liċenzji. Skont il-proviżjoni attwali, il-miżati tal-liċenzji kummerċjali huma dovuti sad-data ta’ kanċellazzjoni tal-liċenzja, irrespettivament jekk din tkunx attiva jew le. Dan ifisser li la darba l-liċenzja mhijiex ikkanċellata, il-pagament tagħha jibqa’ jiżdied sena wara sena. Għalhekk, liċenzja tista’ tiġi kkanċellata biss jekk il-pagamenti kollha jkunu mħallsa. Dawn il-proviżjonijiet qed iwasslu għal sitwazzjoni fejn jirriżulta li hemm numru konsiderevoli ta’ liċenzji mhux attivi. Għalhekk qed jiġi propost li l-pagamenti annwali jkun obligatorji sad-data tat-terminu ta’ l-operat u d-Direttur tal-Kummerċ jkun jistà jikkanċella liċenzji li l-pagamenti tagħhom jkunu ma’ tħallsux għall-erba’ snin konsekuttivi
6) Tneħħija tal-possibilità ta’ transferimenti u rijattivazzjoni ta’ liċenzji. F’ambjent fejn m’hemmx restrizzjonijiet fuq ħruġ ta’ liċenzji qed jiġi propost li ma tibqax aktar il-possibilità ta’ trasferimenti u rijattivazzjoni.
Il-Ministru Azzopardi qal li b’dawn il-proposti, l-Gvern irid iżid il-flessibilità u jnaqqas il-burokrazija. Huwa qal li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal tan-negozji Maltin u Għawdxin u ma waqaf qatt joħloq skemi, għajnuniet u inċentivi sabiex dawn ikollhom l-aqwa ambjent possibbli sabiex jikbru. "Kien għalhekk li komplejna noħolqu x-xogħol u nnaqsu l-qgħad", qal il-Ministru Azzopardi. Huwa ħeġġeġ lin-negozji sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ f’din il-konsultazzjoni pubblika li se ddum miftuħa għal perjodu ta’ 6 ġimgħat.
Is-Sur Godwin Warr, Direttur Ġenerali tal-Kummerċ spjega kif fil-jiem li ġejjin 18,000 negozju li huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Kummerċ se jkunu qed jirċievu fuljett bil-proposti l-ġodda sabiex b’hekk ikunu jistgħu jibagħtu s-suġġerimenti tagħhom. Huwa qal ukoll li l-fuljett se jkun ukoll fuq is-sit elettroniku tad-dipartiment li huwa www.commerce.gov.mt.
Dawk kollha li jixtiequ jibagħtu s-suġġerimenti tagħhom jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu e-mail fuq: commerce@gov.mt jew jibagħtu l-informazzjonu bil-posta fuq: Business Care Unit, Dipartiment tal-Kummerc, Lascaris, Valletta. VLT 2000, sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Mejju.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel lid-Dipartiment tal-Kummerċ fuq 21232819 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-1:30 sat-3:30 ta’ wara nofsinhar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017