AKTAR XOGĦOL TA’ RISTRUTTURAR U TISBIĦ FL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX
Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħalissa jinsabu għaddejjin xogħlijiet ta’ ristrutturar u manutenzjoni estensiva li ser iwasslu biex ikomplu jinbidlu servizzi u faċilitajiet qodma għal oħrajn aktar moderni.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, akkumpanjata mis-Superintendent tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex Dr Anthony Livori, żaret l-isptar ftit jiem biss wara li bdew ix-xogħlijiet fil-kuriduri u nħawi pubbliċi oħra tal-isptar. Il-Ministru għal Għawdex qalet li dawn il-proġetti huma parti minn programm kontinwu ta’ ħidma u impenn tal-Ministeru għal Għawdex sabiex ikompli jtejjeb il-faċilitajiet marbuta mal-qasam tas-saħħa f’Għawdex. Hija semmiet kif il-proġett tad-Dipartiment tar-Radjoloġija kien żvilupp qawwi ieħor li permezz tiegħu f’anqas minn sena saru aktar minn 17,000 Imaging Examinations li jinkludi 1,400 CT Scan. Żiedet tgħid li fost dawn hemm dawk ta’ pazjenti li qed jieħdu trattament tal-kanċer u li qabel kien ikollhom imorru regolarment għal CT Scans f’Malta. Il-Ministru għal Għawdex qalet li permezz ta’ dan il-proġett sar possibbli wkoll li nisa Għawdxin jipparteċipaw fin-National Breast Screening Programme f’Għawdex stess mingħajr il-ħtieġa li jattendu għal dawn it-testijiet f’Malta. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li fi ftit żmien ieħor dan l-istess dipartiment ser ikun qed joffri servizzi oħra ġodda fosthom testijiet tal-bone density.
Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jinkludu fost ħwejjeġ oħra t-tneħħija tas-suffitt tal-asbestos mill-kuriduri; installazzjoni ta’ sistema ġdida tal-elettriku fil-kuriduri u nħawi ta’ stennija fl-isptar u sistemi ta’ voltaġġ aktar baxx fil-Fire Alarm and Detection System, fil-Public Address and Background Music System u fis-sistema tas-CCTV bħala inizjattivi għall-konservazzjoni tal-enerġija; servizzi tal-ilma ġodda; installazzjoni ta’ heating system fil-kuriduri; bdil tal-madum eżistenti, bdil ta’ aperturi u bibien; installazzjoni ta’ bumper railing ġdid għall-kuriduri kif ukoll installazzjoni ta’ mineral fibre laminated false ceiling.
Dan minbarra li jinsabu għaddejjin ukoll xogħlijiet fuq is-sala tal-operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li hija parti mill-proġett tat-twaqqif tad-Dipartiment tar-Radjoloġija, b’investiment ta’ €3.3 miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017