MESSAĠĠ MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL DWAR IR-RAPPORT TAR-RABA’ SENA ĦIDMA
Flimkien, noħolqu x-xogħol. Għalik
Tul l-erba’ snin ta’ din il-leġislatura, ix-Xogħol u l-Edukazzjoni kienu fuq nett fuq fil-ħidma politika tagħna. Sar investiment qawwi f’dawn iż-żewġt oqsma. Dan ma kienx ikun possibbli kieku mhux kulħadd ġibed ħabel wieħed. Matul dawn l-erba’ snin ħdimna biex Flimkien, ħloqna x-xogħol, għalik.
Ir-riżultati ma nkisbux b’kumbinazzjoni iżda għax il-Gvern ħadem biex iżomm il-fiduċja tal-investituri Maltin u barranin li nvestew il-miljuni f’pajjiżna.
L-impjiegi f’pajjiżna komplew jiżdiedu u l-qgħad jonqos. Pajjiżna irreġistra t-tieni l-akbar żieda fl-impjiegi fl-aħħar minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. U Malta għandha l-5 lanqas rata ta’ qgħad.
Żdiedu l-impjiegi u naqas il-qgħad għaliex fl-aħħar 4 snin, inħolqu 20,000 impjieg ġdid. Illum għandna 150,000 persuna li għandhom impjieg full time. Fis-sena li għaddiet biss, bil-ħidma tal-ETC, 274 persuna bi bżonnijiet speċjali instabilhom impjieg.
Ix-Xogħol u l-Edukazzjoni jmorru id f’id. Jekk ma jkollokx sistema edukattiva tajba ma jkollokx ħaddiema mħarrġa u lesti jisfruttaw l-opportunitajiet li jinħolqu mill-investiment li jsir. Min investa f’pajjiżna qed isib żgħażagħ u ħaddiema mħarrġa, ta’ ħila u kapaċi.
F’dawn l-aħħar snin għamilna bidliet kbar fil-qasam tal-edukazzjoni. Bdejna mill-iżgħar tarġa – l-edukazzjoni bikrija – u bqajna telgħin sa fuq nett – sal-università u ’l hinn minnha.
Introduċejna strateġija għall-kisba ta’ ħiliet bażiċi fit-tfal. Għamilna riforma fil-mixja mill-Primarja għas-Sekondarja billi neħħejna l-eżami tal-Junior Lyceum u daħħalna sistema ta’ Benchmarking. Qed inħejju Kurrikulu Nazzjonali ġdid. Fassalna strateġija għat-tagħlim tax-xjenza. Għamilna riforma kbira fl-Iskejjel Speċjali li issa saru Ċentri ta’ Riżorsi.
Bnejna skola ġdida kull sena. F’dawn l-4 snin ftahna skejjel ġodda f’Bormla, Pembroke, Għawdex u l-Mosta. F’Settembru niftħu oħra l-Ħandaq. F’dawn l-4 snin ftaħna 8 child care centes ġodda u ftaħna 6 ċentri għall-edukazzjoni tat-tfal wara l-ħinijiet tal-iskola. F’kull klassi tal-primarja u s-sekondarja poġġejna Interactive Whiteboard li hu l-aktar għodda moderna għat-tagħlim. It-tfal illum għandhom aktar faċilitajiet fil-klassijiet. Investejna €2.6 miljuni fl-immodernizzar tal-laboratorji fl-iskejjel tagħna. Fil-fatt għamilna 160 laboratorji ġdid. Introduċejna suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji. Żidna l-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel.
Qed nibnu campus ġdid għall-MCAST filwaqt li fl-Università saru żviluppi kbar bl-introduzzjoni ta’ korsijiet ġodda, ħolqien ta’ fakultajiet ġodda, bini ta’ Fakulta ġdid tal-IT u żviluppi f’diversi binjiet oħra. Illum fl-Università hemm aktar minn 700 kors għall-istudenti minfejn jagħżlu. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-Junior College u l-Iskola Sekondarja Ogħla wkoll żiedu l-korsijiet u n-numru ta’ studenti. Illum l-istudenti jieħdu l-istipendju żdiedu għal 18,600.
F’dawn l-erba’ snin tajna 1,550 scholarship.
Dawn l-opportunitajiet wasslu biex aktar studenti qed ikomplu bl-istudji avanzati tagħhom.
Il-Gvern kompla jsostni lill-iskejjel tal-Knisja billi f’dawn l-4 snin tagħhom kważi €200 miljun biex jipprovdu l-edukazzjoni għat-tfal u jħallsu lill-għalliema. Għal 3 snin sħaħ komplejna nżidu t-tnaqqis fl-income tax għal ġenituri li jibatu lit-tfal taghom fi skejjel privati. Aktar minn 4,000 familja gawdew minn dan it-tnaqqis.
Il-kisbiet li għamilna, għamilnihom għaliex ħdimna flimkien bis-sehem tal-ġenituri fl-edukazzjoni u l-izvilupp ta’ uliedhom, bil-ħidma tal-għallliema u dawk kollha li huma fdati bl-edukazzjoni ta’ uliedna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017