STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA
Il-Partit Laburista b’politika li jimmina l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tistabbilixxi li l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hija indipendenti u l-ebda Ministru ma għandu s-setgħa illi jindaħal fil-mod kif din titmexxa.
Jekk il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja jaħsibha xort’oħra dwar dan, il-poplu Malti u Għawdxi għandu għaliex ikun inkwetat. Id-dikjarazzjoni li għamel l-Onor. Jose’ Herrera li l-politiċi huma responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali juru li l-Partit Laburista jemmen b’xi mod li jista’ jkun hemm indħil mill-politiċi lill-Avukat Ġenerali. L-indħil mill-politiċi jimmina l-indipendenza tal-istess Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-kwistjoni kollha ma għandha x’taqsam xejn ma kemm għandu jew kellu staff l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. F’dan il-każ inkwistjoni l-Uffiċċju tal-Avukat Generali ma kienx qed imexxi l-Prosekuzzjoni fil-Qorti. Il-partijiet preżenti għal proċeduri u b’mod partikulari l-parte civile qatt ma ġibdet l-attenzjoni tal-uffiċċjal prosekutur li kien hemm diskrepanza dwar il-lok tar-reat fil-verżjonjiet li kienu ngħataw waqt l-investigazzjoni u dik li ngħatat waqt ix-xhieda fil-Qorti.
Kif kien ġie spjegat fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fit-8 ta’ Awwissu 2011, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li ma jitlobx il-korrezzjoni fl-akkuża fi stadju avvanzat tal-każ ittieħdet biex ikunu evitati konsegwenzi agħar. Talba għal korrezzjoni f’dak l-istadju setgħet wasslet għall-preskrizzjoni tal-każ bl-akkużi kollha jaqgħu fil-konfront tal-akkużat.
L-Uffiċċju tal-Avukat Generali dejjem iddefenda l-ordni pubbliku u qatt ma aġixxa b'mod tant irresponsabbli li jħalli l-każ kollu jaqa'.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017