Left arrow Mur Lura

FI ŻMIEN ĦMISTAX JITNEĦĦEW L-AĦĦAR TINED MIĊ-ĊENTRU MIFTUĦ TA’ ĦAL FAR

pr0877
Date Icon 19/04/2012

L-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil (AWAS) f’dawn il-jiem tat bidu għal proġett intiż biex l-aħħar tined li sa issa kienu għadhom qed jintużaw biex jingħata kenn lill-immigranti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far (ĦTV) jinbidlu b’64 dar prefabrikata ġdida.

Waqt żjara li għamel illum waranofsinhar fiċ-ċentru f’Ħal Far, il-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici qal li l-Gvern huwa kommess li jgħati ħarsien lil dawk il-persuni li jistħoqqilhom protezzjoni għax jikkwalifikaw għall-ażil, filwaqt li jaħdem biex jikseb opportunitajiet għalihom sabiex ikunu jistgħu jibdew ħajja ġdida f’pajjiżi ikbar minn Malta.

“Matul l-aħħar ftit snin 1,500 immigrant minn Malta ittieħdu minn pajjiżi oħra fl-Ewropa u mill-Istati Uniti fejn ingħataw l-opportunità li jibdew ħajja ġdida u jintegraw rwieħhom f’komunitajiet barranin. Fl-istess żmien Malta irripatrijat mal-1,000 persuna oħra li kellhom l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom miċħuda.

“It-titjib tal-faċilitajiet fiċ-ċentri miftuħin jimxi id f’id ma’ dan. Id-djar prefabbrikati ġodda li qed naraw hawn huma ta’ kwalità eċċellenti, joffru protezzjoni aħjar mill-elementi, mis-sħana tas-sajf f’aktar kumdità u spazju,” qal il-Ministru.

Huwa fakkar li dan huwa l-aħħar minn sensiela ta’ proġetti fil-qasam tal-immigrazzjoni li Malta setgħet twettaq b’għajnuna finanzjarja mill-programm tal-Miżuri ta’ Emerġenza taħt il-Fond Ewropew għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea. L-investiment f’dawn il-mitt dar jammonta għal kważi €890,000, li 80% minnhom huma finanzjati mill-fondi Ewropej. Is-36 dar l-oħra ser jintużaw fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.

Iċ-Ċentru Miftuħ tat-Tined f’Ħal Far infetaħ f’April tas-sena 2007, meta ċ-ċentri eżistenti ma setgħux ilaħħqu mal-volum kbir ħafna ta’ persuni li kienu qed jaslu f’pajjiżna b’mod irregolari.

Iċ-ċentru kien beda bi tlett tined u eventwalment kiber għal 45 tinda. Tul is-snin iċ-ċentru akkomoda eluf ta’ persuni li mingħajru kienu jispiċċaw jgħixu fit-triq, bla saqaf fuq rashom. Iċ-ċentru xi drabi anke wasal biex jilqa’ mat-800 resident f’daqqa. Bħal issa jakkomoda madwar 240 ruħ. Biż-żmien uħud mit-tined kienu nbidlu bi djar prefabrikati li kienu ingħataw mill-awtoritajiet Taljani. Sal-lum kien fadal sitt tined.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow