DISKORS TAL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL FIĊ-ĊERIMONJA TAT-TQASSIM TA’ SCHOLARSHIPS MILL-ETC – SAN ĠILJAN – L-ERBGĦA 18 TA’ APRIL 2012
144 Borża ta’ Studju oħra lil studenti li jridu jkomplu jistudjaw
Wara s-suċċessi li kisbu d-diversi skemi ta’ scholarships li nieda l-Gvern f’dawn l-aħħar snin, inħasset il-ħtieġa li jinħolqu aktar skemi biex aktar żgħażagħ jingħataw opportunità li jkomplu jistudjaw f’livelli ogħla.
Sa ħames snin ilu ma kellna ebda skema ta’ Boroż ta’ Studju offruti mill-Gvern. Biex xi ħadd jirnexxielu jikseb scholarship u jmur jistudja barra kien irid jistenna xi opportunità li kultant joffru gvernijiet barranin jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
Il-Gvern dehrlu li kellu jagħmel xi ħaġa biex dawk il-persuni li xtaqu jkomplu jistudjaw f’livelli ogħla wara li jiggradwaw mill-università iżda kienu jsibuha diffiċli minħabba l-ispejjeż involuti, jingħataw opportunità li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Għalhekk inħolqot l-iskema msejħa Malta Government Scholarship Scheme biex tgħin lil dawk li xtaqu jkomplu jistudjaw fil-livell ta’ Masters jew Dottorat. Sal-lum min din l-iskema gawdew 252 persuna.
Minn din l-iskema ħarġet skema oħra – il-Malta Government Scholarship Scheme (Under Graduate) għal dawk l-istudenti li jridu jagħmlu l-ewwel degree tagħhom barra minn Malta jew f’xi istituzzjoni privata f’Malta. Minn din l-iskema kienu megħjuna 622 student.
Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, irnexxielu jikseb fondi mill-Unjoni Ewropea u nieda skema oħra ta’ Boroż ta’ Studju magħrufa bħala STEPS. Minn dawn il-fondi – kważi €10 miljuni, ibbenefikaw 745 persuna li 85 minnhom għamlu Dottorat u 660 għamlu Masters.
Interessanti li numru sostanzjali minn dawn l-istudenti għamlu l-istudji tagħhom għal Masters u anke Dottorat fl-Università ta’ Malta u fosthom kien hemm min għamel skoperti importanti, partikolarment fil-qasam tal-mediċina, li kienu rikonoxxuti internazzjonalment.
Dawn iż-żewġ skemi ta’ Boroż ta’ Studju, l-MGSS u STEPS kienu bażati fuq kisbiet akkademiċi.
Iżda lkoll nafu li mhux kulħadd hu maqtugħ għad-dinja akkademika. Hawn ħiliet oħra li wieħed għandu jippromwovi, fosthom l-Arti u l-Isport.
Kien proprju dan il-ħsieb li sentejn ilu wassalna biex nidejna l-ischolarships fl-Arti. Permezz ta’ dawn il-Boroż ta’ Studju ngħinu żgħażagħ li jridu jkomplu mexjin ’l quddiem f’oqsma bħalma huma l-ballet, il-palk, l-arti viżiva, id-disinn grafiku u oqsma oħra artistiċi. Fl-ewwel sena tajna għajnuna lil 24 persuna u bħalissa qed ikunu eżaminati l-applikazzjonijiet li rċivejna fit-tieni sejħa li għamilna.
Minn din is-sena, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport nieda l-ischolarships fl-Isport. Anke hawn diġà kien hemm rispons qawwi u għandna biżżejjed fondi biex nagħtu 30 borża ta’ studju għall-qasam sportiv.
Illum qed niktbu paġna ġdida fil-qasam tal-Boroż ta’ Studju. Qegħdin naraw li hawn għatx kbir fost iż-żgħażagħ li jridu jkomplu jistudjaw. Għalhekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, li wieħed mill-iskopijiet tal-ħidma tagħha hu li tipprovdi taħriġ biex aktar nies ikunu jistgħu jsibu mpjieg jew impjieg aħjar, nidiet skema oħra ta’ Boroż ta’ Studju – it-TSSA (Training Subsidy Scheme – Academic). Din l-iskema se tħares lejn l-oqsma tas-Servizzi Finanzjarji u d-Digital Media.
Għażilna dawn iż-żewġ oqsma partikolari għax qegħdin naraw li dawn l-oqsma qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla u li għalihom hemm bżonn aktar nies imħarrġa u preparati. U mir-rispons li kellna jidher li anke l-istudenti huma interessati f’dawn l-oqsma tant li għandna 42 se jagħmlu diploma u 66 għal degree fid-Digital Media filwaqt li hemm 17 li jridu jagħmlu diploma fis-Servizzi Finanzjarji u 19 għal degree f’dan is-suġġett.
L-ETC kisbet fondi mill-Unjoni Ewropea biex setgħet tniedi din l-iskema u fil-fatt hemm 144 persuna li se jieħdu borża ta’ studju u bejniethom se jibbenefikaw minn fond ta’ aktar minn €1 miljun.
Interessanti li intom kollha li se tibbenefikaw, għajr tnejn, ġejjin minn istitutuzzjonijiet edukattivi privati. Dan juri kemm għalina, iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha, huma min huma u qed jistudjaw fejn qed jistudjaw skont l-għażla tagħhom, xorta waħda jixirqilhom li jkunu megħjuna.
Għandi l-pjaċir inħabbar li minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra se nkunu nistgħu nħabbru min huma dawk li se jieħdu Borża ta’ Studju, din id-darba taħt skema oħra imnedija mill-MCAST.
Naturalment, kulmin jirbaħ Borża ta’ Studju, għandu raġuni għalfejn jiċċelebra u għalhekk qegħdin hawn illum. Biex intom u l-għeżiez tagħkom flimkien magħna, nifirħu bis-suċċess tagħkom.
Imma dan iġibni biex qabel nagħlaq dan id-diskors tiegħi nagħmel osservazzjoni li nħoss li hi importanti.
Din il-Borża ta’ Studju intom irbaħtuha bil-ħila tagħkom u ma ngħatatilkomx għax għandkom xi dritt għaliha. Sfortunatament, ħafna jippretendu li jekk japplikaw żgur se jieħdu l-ischolarship. Dan mhux il-każ u fil-fatt għal din l-iskema kellna 262 applikazzjoni u tajna 144 Borża ta’ Studju. Ftit aktar min-nofs. Għax il-fondi li kellna daqshekk kienu jippermettulna ngħinu studenti. Fi skemi bħal dawn dejjem ikun hemm element ta’ kompetizzjoni u ta’ għażla.
F’dawn l-aħħar ħames snin il-Gvern se jkun investa aktar minn €16-il miljun fi skemi ta’ Boroż ta’ Studju. Dan minkejja l-kriżi ekonomika internazzjonali li qed twassal bosta pajjiżi, anke ferm akbar minnha, mhux biss li ma jagħtux Boroż ta’ Studju imma saħansitra li jgħollu l-miżati tal-universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi tagħhom, meta aħna t-tagħlim kollu li ngħata mil-livell tal-Kindergarten sa l-Università hu kollu b’xejn u ma dan nagħtu wkoll l-istipendju lill-istudenti kollha li jkomplu jistudjaw.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jinvesti fl-edukazzjoni għax nemmnu li l-poplu tagħna jixraqlu l-aħjar.
Nifraħ lil dawk li rnexxielhom jirbħu dawn l-ischolarships u nawguralhom suċċess fl-istudji tagħhom u fil-karrieri li jirnexxielhom jagħmlu wara li jtemmu l-isudji tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017