STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għar-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali – li jipprevedi li Malta se jkollha t-tielet l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Ewropa matul l-2012 huwa prova mill-aktar b’saħħitha tad-distakk totali tagħha mir-realtà.
Filwaqt li tinjora l-aspett pożittiv ta’ dan ir-rapport, jiġifieri li minkejja l-isfidi fir-reġjun u mal-bqija tal-Ewropa, Malta se tibqa’ tikber, b’rata ferm aktar mgħaġġla mill-kompetituri tagħha, għall-Oppożizzjoni, l-isfidi kbar li komplew joħolqu pressjoni fuq l-ekonomiji internazzjonali mill-aħħar tas-sena ‘l hawn, fosthom tensjonijiet ġeo-politiċi li wasslu għal żidiet kbar fil-prezz taż-żejt, qishom ma jeżistux u qatt ma seħħew.
It-tieni, in-nuqqas ta’ serjetà tal-Oppożizzjoni joħroġ mill-fatt li Dott Muscat qed iqabbel previżjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku li saru f’Novembru ma’ dawk li saru sitt xhur wara. Dan juri għal Dott Muscat ma jista’ jinbidel xejn f’temp ta’ sitt xhur. Dan huwa prova mill-aqwa ta’ inkompetenza amministrattiva u ekonomika.
Id-deċiżjoni tal-Gvern li jirrevedi l-Budget 2012 b’40 miljun ewro ttieħdet fid-dawl tal-iżviluppi fil-qagħda ġeo-politika, ekonomika u finanzjarja internazzjonali u li tippermetti li l-Gvern jintervjeni fl-ekonomija ta’ pajjiżna fl-interess tal-familji u n-negozji tagħna fejn dan ikun meħtieġ. Filfatt, il-Gvern dan diġà għamlu bid-deċiżjoni li ma jgħollix il-kontijiet tad-dawl minkejja li l-prezz taż-żejt reġa’ żdied sostanzjalment.
Dott Muscat m’għandux soluzzjonijiet u joħroġ b’dikjarazzjonijiet li ma jistgħux jaqblu ma’ xulxin. Din il-ġimgħa qal li jekk ikun fil-Gvern, ikompli jnaqqas id-defiċit, u jnaqqas id-dħul mit-tariffi tal-enerġija. Ilum reġa’ qed jattakka r-reviżjoni ta’ 40 miljun ewro. Billi l-proposti ta’ Joseph Muscat evidentement jeħtieġu tnaqqis fin-nefqa jew żieda fid-dħul, għalhekk biex ikun kredibbli għandu jħabbar liema taxxi ġodda se jimponi f’pajjiżna jew x’setturi se jnaqqsilhom il-finanzjament biex ikun jista’ jwettaq dak kollu li qed iwiegħed.
L-IMF qed turi fiduċja fit-tmexxija ekonomika u finanzjarja tal-Gvern, li bid-deċiżjonijiet favur l-industrija, is-sidien ta’ negozji zgħar u l-familji, se jiżgura li pajjiżna jibqa’ jkollu tkabbir ekonomiku fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa l-aqwa garanzija għall-ħolqien tax-xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017