Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ FL-OKKAŻJONI TAL-IFFIRMAR TA’ MEMORANDUM OF UNDERSTANDING BEJN L-ISPTAR MATER DEI U L-MALTA HEALTH NETWORK FIL-JUM DEDIKAT GĦAD-DRITTIJIET TAL-PAZJENT – MATER DEI – L-ERBGĦA

pr0868
Date Icon 18/04/2012

Illum qed niċċelebraw Patients Rights Day, il-Jum tad Drittijiet tal-Pazjent.  Ic-Charter tal-Unjoni Ewropea li jitkellem dwar id-drittijiet fundamentali, isemmi b’enfasi kbira d-dritt li kull individwu għandu għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-aċċess ta’ kura preventiva, kif ukoll għal trattamenti mediċi kif inhuma stabbiliti skont il-prattiċi u l-liġijiet nazzjonali.

Fl-aħħar snin numru ta’ organizzjonijiet Ewropej ħadmu bis-sħiħ f’isem iċ-ċittadini kollha Ewropej sabiex jiġu żviluppati aktar id-definizzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet – fost dawn l-organizzazzjonijiet hemm il-Malta Health Network.  

Il-ħarsien għad-drittijiet tal-pazjenti jinsab fil-qalba tal-pjanijiet tal-gvern għas-settur tas-saħħa li mistennija jitwettqu fix-xhur li ġejjin. Dan il-ħarsien jiddependi fuq kollox mill-kwalità tas-sistema tas-saħħa u l-mod kif il-kura tas-saħħa tiġi organizzata, kif ukoll mill-imġieba u l-kooperazzjoni bejn il-professjonisti u l-pazjenti. 

Huwa f’dan l-isfond li qed jiġu proposti sensiela ta’ miżuri bil-ħsieb lid-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-pazjenti jingħataw prijorità.

F’Malta, il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet qed jiġi garantit permezz ta’ politika u miżuri għas-settur tas-saħħa li qed jiġu mfassla b’tali mod li tkompli tiżdied il-kwalità u l-aċċessibilità għas-servizzi filwaqt li tkompli tittejjeb is-sostenibilità biex dawn is-servizzi jkunu garantiti għall-ġenerazzzjonijiet li jmiss.  Għaldaqstant, huwa maħsub li permezz tal-pjan ta’ espansjoni u mmodernizzar fil-provediment tal-kura primarja fil-komunità, titnaqqas il-ħtiega u d-domanda għal saħħa istituzzjonali u kura fit-tul li jiswew ħafna flus. Dan jippermetti wkoll li l-kura tal-individwu tiġi amministrata minn stadju bikri kif wkoll titqarreb il-kura lejn il-pazjenti u l-familji tagħhom. Prijorità oħra tal-gvern li mistennija tħalli ħafna riżultati pożittivi u benefiċċji fit-tul hija attenzjoni akbar u iktar mifruxa fuq l-aspett tal-prevenzjoni tal-mard. 

Fid-dawl tad-dritt għal moviment ħieles bejn is-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet ugwali għal servizzi ta’ kwalità f’pajjiżhom jew xi pajjiż membru li jkunu qed iżuru, ir-rijaffermazzjoni ta’ dawn id-drittijiet timplika li hemm bżonn ta’ bidla fir-relazzjonijiet  bejn il-professjonisti tas-saħħa kollha, l-istrutturi tal-istituzzjonijiet li jipprovdu l-kura u l-pazjenti fuq bażi regolari. L-iżviluppi fir-rigward ta’ kwestjonijiet relatati mas-saħħa jixhdu xejra ġenerali lejn l-asserzjoni għad-drittijiet tal-persuni meta jfittxu servizzi ta’ kura biex iċ-ċittadini jkollhom iktar vuċi fi kwestjonijiet relatati mas-servizzi tas-saħħa.

Ta’ min isemmi li f’dawn l-aħħar snin qed tiġi nnutata bidla fil-mod kif titwettaq il-politika, fejn qed tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadin sabiex dan ta’ l-aħħar jkun aktar involut fit-tfassil tal-politika.  Għaldaqstant, il-Gvern f’dawn l-aħħar snin kabbar ferm l-opportunitajiet għall-involviment taċ-ċittadin f’dak li għandu x’jaqsam mat-tfassil tal-politika tas-saħħa. Dan għamlu permezz ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa mas-soċjeta ċivili u ma’ assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw il-pazjenti kif ukoll permezz tar -rappreżentanza tal-membri tal-pubbliku f’bordijiet tal-gvern inklużi dawk li jaghmlu xogħol relatat mas-saħħa.  Dan kollu jiżgura li l-pubbliku jkollu sehem attiv fid-deċizjonijiet li jiġu meħuda.

Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern biħsiebu jieħu sensiela ta’ miżuri li jippromwovu d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-pazjenti.  Żvilupp importanti f’dan il-qasam huwa l-adozzjoni tad-direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjent fil-kura tas-saħħa transkonfinali li mistennija tidhol fis-seħħ fit-23 ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla.  

L-għan ta’ din id-direttiva hu li jkun hemm proċeduri standard u iktar sempliċi biex wieħed ikun jista’ jikseb aċċess għas-servizz tas-saħħa fi stat membru ieħor. Il-Gvern bħalissa qed jaħdem ukoll fuq it-transpożizzjoni tad-direttiva li għandha twassal biex ikollna d-drittijiet tal-pazjent miġbura f’qafas legali.   

Żvilupp ieħor important fir-relazzjoni bejn il-pazjenti u dawk li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa huwa l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding mal-Malta Health Network bil-għan li din l-organizzazzjoni non-governattiva tipprovdi servizz ta’ sapport lill-pazjenti li jkunu jixtiequ jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom fl-isptartijiet ma’ xi ħadd li ma jkunx parti mill-amministrazzjoni tal-isptar jew mit-tim ta’ professjonisti li jaħdmu hemm.  Tajjeb nenfasizza li dan is-servizz m’huwiex parti mis-servizzi tal-Customer Care li joffri l-isptar Mater Dei, liema servizzi se nkomplu nagħmlu l-almu tagħna biex ikompli jissaħħu.

Ma nistax ma ngħalaqx billi ma nirringrazzjax lill-professjonisti kollha li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa differenti, imma anke lill-pazjenti li fil-maġġoranza tagħhom japprezzaw din il-ħidma.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow