STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
B’riferenza għall-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija llum mis-Segretarju ta’ waħda mill-Koperattivi tas-Sajd f’Malta, hija stramba kif minkejja l-progress li sar waħda mill-koperattivi għadha qed tfittex il-konfront. Is-Segretarju tal-Koperattiva s-Sur Bugeja jattaka lil Gvern b’nuqqas ta’ djalogu meta hija l-Koperattiva li tagħha hu segretarju s-Sur Bugeja stess li ma weġibx għall-ittri li ntbagħtu lilu mill-Ministru u Uffiċċjali mill-istess Ministeru. Is-Segretarju tal-Koperattiva s-Sur Ray Bugeja llum stess ippubblika ittri mibgħuta lilu mill-Gvern li jikkonfermaw kemm dan hu Gvern li jisma’ u li aġixxa wara laqgħat li kellu mas-sajjieda.
Il-Ministeru jiddikjara kif sa’ llum stess il-Ministru responsabbli mis-settur reġa’ kiteb lis-Segretarju tal-koperattiva s-Sur Ray Bugeja biex jitolbu jispeċifika liema huma l-punti li dwarhom mhux jaqbel mal-Gvern.
Is-Sur Bugeja kien preżenti għal-laqgħat li saru fil-Ministeru fejn ġew diskussi l-proposti tal-koperattivi. F’dawn il-laqgħat kif kien wiegħed, il-Gvern tratta l-proposti kollha, waħda waħda, mressqa mill-Koperattivi tas-Sajjieda. Kien hemm qbil fuq numri ta’ punti filwaqt li l-laqgħat servew ukoll bħala bażi għal aktar diskussjonijiet.
Mil-laqgħat li saru u mill-proposti mressqa mis-sajjieda l-Gvern sal-lum:
1. Implimenta miżura ta’ bolla mraħħsa għas-sajjieda full time kif iħallsu l-bdiewa u r-raħħala;
2. Kif intrabat li jagħmel, il-Gvern għaddha wkoll serje ta’ ideat ta’ diversifikazzjoni tal-mestier tas-sajd. Dawn għandhom iservu bħala qafas għal aktar diskussjoni però filwaqt li l-Koperattiva l-oħra infurmat lill-Ministeru li taqbel mal-proposti u lesta tiddiskuti, il-koperattiva li s-segretarju tagħha huwa s-Sur Bugeja għażlet li ma tweġibx u minflok tkompli għaddeja b’konfrontazzjoni;
3. Sar ftehim ġdid mas-sajjieda biex ikunu eżentati mill-ħlas tal-VAT meta jixtru d-diesel għal skopijiet ta’ sajd;
4. Intlaħaq ftehim bi qbil mal-koperattivi tas-sajjieda dwar id-distribuzzjoni tal-liċenzji għas-sajd tat-tonn u għall-ewwel darba s-sajjieda ġabu l-aħjar prezz;
5. Ftit tal-ġranet ilu ngħata bidu għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar strateġija tal-akwakultura;
6. L-iproċessar tal-ħut kif kien propost mis-sajjieda kien diġà mdaħħal fil-pjan tal-Gvern għall-bini ta’ pixkerija ġdida. Ġie diskuss mal-koperattivi kif l-aħjar li jsir l-iproċessar tal-ħut. L-permess tal-bini tal-pixkerija l-ġdida huma maħruġa mill-MEPA u beda x-xogħol preparatorju;
7. Dwar sistema ta’ assikurazzjoni, fis-snin riċenti, il-Gvern kien ħareġ tender li iżda ma attira l-ebda offerta. Il-Gvern qed jikkunsidra l-possibiltà ta’ tender ġdid, iżda bħalissa qed jistudja x’seħħ f’pajjiżi fejn ħolqu b’suċċess skemi simili. Sa dan it-tant bi qbil mal-koperattivi, l-iskema ta’ roħs fuq il-bolla ġiet introdotta ħalli tpatti għan-nuqqas tal-assigurazzjoni sakemm isir l-arranġament dwar l-assigurazzjoni;
8. Il-Gvern jaqbel li s-sajjieda u x-xjenzati jaħdmu flimkien. Ġew ingaġġati żewġ xjenzati fil-programm GAP (bejn il-Ministeru u l-koperattivi tas-sajjieda) u ġie ffirmat ftehim mal-koperattivi ħalli rapreżentant taż-żewġ koperattivi jkunu preżenti għal-laqgħat internazzjonali li jsiru fuq ix-xjenza tas-sajd;
9. Il-Ministeru laħaq qbil mas-sajjieda li jistagħdu għall-Gangmu li jingħataw scientific license. Il-Gvern se jixtri l-qabda skont il-valur tas-suq. Il-qabda tas-sajd huwa parti mill-istudju mitlub mill-Kummissjoni biex ikun studjat l-impatt tal-Gangmu.
10. Il-Gven żamm in-numru ta’ bastimenti liċenzjati għat-tartarun li kienu 12 u baqgħu 12.
11. Dwar is-sajd għal-lampuki, il-Gvern ippropona li s-sistema ta’ kif Malta tmexxi s-sajd għal-lampuki tiġi estiża għall-Mediterran kollu għaliex l-impatt tas-sajjieda Maltin hu negliġibbli
12. Il-Gvern għadu għaddej b’diskussjonijiet dwar is-settur tal-pixxispad u t-tkarkir. Ta’ min jgħid li filwaqt li l-Gvern ma jiffavorix sistemi ta’ kumpens dirett fuq il-qbid tal-pixxispad ta’ anqas minn 10kg, lest jikkunsidra proposta mresqa mill-koperattiva l-oħra ghall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, li dan il-ħut mejjet flok jintrema l-baħar, jintuża għal skopijiet filantropiċi.
Minkejja li b’mod ċar minn naħa tal-Gvern hemm rieda tajba biex ikomplu diskussjonijiet biex ikun hemm żvilup fuq il-materji kollha, sfortument waħda mill-koperattivi mingħajr spjega għażlet konfrontazzjoni. l-azzjoni ta’ protesta fil-port tista’ twassal għal ħsara fl-ekonomija Maltija.
Il-Gvern iffakkar li minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004 sas-sena 2013 il-Gvern se jkun ta lis-settur tas-sajd b’kollox mal-€15-il miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017