DISKORS TAL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, L-ONOR. JOE CASSAR, GĦALL-FTUĦ TAS-SEMINAR FIRST BIANNUAL PROFESSIONAL DEVELOPMENT ORGANIZZAT MID-DIRETTORAT GĦAS-SAĦĦA AMBJENTALI - IT-TLIETA, 17 T’APRIL, 2012 - RABAT
Kollegi,
Grazzi tal-istedina li għamiltuli.
Huwa ta’ pjaċir għalija, kemm bħala Ministru għas-Saħħa, imma anke bħala ċittadin Malti, li nkun magħkom hawn illum. Dan għaliex illum nista’ nirringrazzjakom personalment tal-ħidma li inthom twettqu kuljum. Ħidma, li għandha l-iskop ewlieni li tipproteġi s-saħħa ta’ kull ċittadin.
Persważ li l-poplu ma japprezzax biżżejjed ix-xogħol li tagħmlu inthom fis-skiet u mingħajr daqq ta’ trombi. Il-professjoni tagħkom hija waħda li ġġib magħha ħafna responsabilita’, u, b’mod partikolari, tirrikjedi attenzjoni kbira.
Jien nemmen bis-sħiħ li kull professjoni tikber mhux biss permezz tal-kisba tal-esperjenza matul is-snin imma wkoll permezz ta’ opportunitajiet li jippermettu lill-professjonist jaqsam dik l-esperjenza mal-kollegi u allura li wieħed jitgħallem ukoll mill-esperjenza ta’ ħaddieħor.
U dan huwa l-iskop ta semainars bħall dawn. Peress li r-rwol ta’ dan id-Direttorat huwa regolatorju, il-viżjoni hija li jkun il-leader f’dan il-qasam u bla dubju li wieħed mill-mezzi sabiex jinkiseb dan hu propju taħriġ kontinwu. Wieħed mis-suġġetti li se tiddiskutu llum huwa ‘l-analiżi tal-perċezzjoni tal-klijenti tagħkom’, il-klijenti huma inkluzi dawk il-persuni li għamlu lment mad-Direttorat matul 2011.
Din l-analiżi ssaħħaħ aktar din il-viżjoni u tirrifletti r-rieda kemm li tiġi aċċettata l-kritika, ukoll biex tgħinkom taħdmu sabiex tkomplu ttejbu s-servizz.
Inħossni kburi bil-livell ta’ servizz mogħti mid-Dipartiment tiegħi, iżda huwa mertu tagħkom li dan id-Direttorat għandu tant pedament sod.
Huwa kollu ta’ xejn li jkollok l-aqwa servizzi jekk minn naħa l-oħra l-pubbliku jigi espost għal ambjent perikoluż jew ikel li mhuwiex ta’ kwalita`. Hu għalhekk ir-rwol tagħkom huwa wieħed tassew importanti.
Bħalma semmejt ftit ilu. Nemmen li meta l-professjonisti jaħdmu flimkien, ikun hemm aktar okkażjonijiet ta’ qsim ta’ esperjenzi u informazzjoni. Għal dan il-għan, b’konsultazzjoni mad-diretturi, fittixt li niċċentralizzaw l-uffiċini tal-ispettorat.
Bi pjaċir inħabbar li issa wasalna biex dan iseħħ.
Fil-fatt, il-proċess relatat, dak tal-expression of interest, issa intemm u ġie magħżul il-post li fiħ se jħaddan l-uffiċini l-ġodda tagħkhom. Naturlament irid isir xogħol ta’ mmodernizzar li jixraq lid-direttorat tagħkom, u li se jippermettielkom taħdmu aktar flimkien għall-ġid tal-pubbliku, li se jibbenefika wkoll minn sistema ċentralizzata.
Finalment, inħeġġeġ lill-ispettorat u l-laboratorju biex ikomplu fil-ħidma tagħhom lejn ċertifikazzjoni skont standards internazzjonali tal-proċessi li jħaddnu. Fil-passat urejtu b’mod ċar li san jista’ jseħħ, u jien nemmen bis-sħiħ li bil-kapaċitajiet tagħkom, kif ukoll bl-esperjenza miksuba matul is-snin, dan l-iskop jista’ jintlaħaq. Nemmen ukoll li dan id-Direttorat, bis-sehem tagħkom ilkoll, huwa riflessjoni tajba ta’ kif għandu jahdem iċ-ċivil.
Prosit tax-xogħol siewi li tagħmlu b’tant ħeġġa u serjetà.
Grazzi mill-ġdid.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017