DISKORS MILL-ONOR. MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ WAQT IT-TNEDIJA TAS-SENA EWROPEA DWAR ANZJANITÀ ATTIVA U S-SOLIDARJETÀ BEJN IL-ĠENERAZZJONIJIET 2012 – ŻEJTUN – IL-ĠIMGĦA 13 TA’ APRIL 2012
Għeżież Kollegi,
Huwa pjaċir tiegħi li nkun magħkom dalgħodu. Din is-Sena l-Ewropa iddedikata għall-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.
L-għażla tal-Unjoni Ewropea li tiffoka fuq l-anzjanità attiva ma kinitx għażla bl-addoċċ jew b’kumbinazzjoni. L-anzjanità hija realtà li qed tmiss mhux lilna biss bħala nazzjon żgħir imma lid-dinja kollha. Fil-każ ta’ Malta biex nieħdu idea sas-sena 2050 in-numru ta’ persuni li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena huwa stmat li se jiżdied għal madwar 24% tal-popolazzjoni. Dan ifisser li sas-sena 2015 se jkollna kważi 104,000 persuna li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena u sas-sena 2050 kważi 151,000 persuna li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena.
Poplu li qed jixjieħ hija sfida ġdida għall-diversi pajjiżi fosthom l-Ewropa. Biex nilqgħu għal din l-isfida ħdida u interessanti inħasset il-ħtieġa ta’ azzjoni konkreta. Azzjoni kollettiva u koordinata. Il-fatt li għandna poplu li qed jixjieħ mhux problema. Imma sfida. Mhux piż. Imma opportunità. Mhux traġedja. Imma grazzja. Dan il-fenominu mhux żvantaġġ. Imma akkwist. Ifisser li għandna livell ta’ għixien tajjeb. Servizzi tas-Saħħa tajbin. Il-life expectancy hija waħda mill-kejl li tintuża biex tistabillixxi dawn l-fatturi. Għalhekk il-fatt li għandna poplu qed jixjieħ ifissser suċċess. Mhux falliment.
Din is-sena trid tifrex tapit isbaħ għall-ġejjieni fejn kull membru tas-soċjetà għandu sehem fuq il-palk tal-ħajja. U fuq dan il-palk l-anzjan la hu żejjed. Lanqas mhu sempliċiment tollerat. L-anzjan irrid ikun fin-nofs tal-Palk. Indaqs. Mhux inqas minn ħaddieħor. Din hi l-politika tal-Gvern.
Jeħtieg li nbiddlu l-perspettiva ħażina u żbaljata li bosta għandhom fuq ix-xjuħija. Tradizzjonalment ix-xjuħija dejjem qisniha bħala t-taħżiża aħħarija. L-oppost taż-żgħożija. Il-final ta’ xi ħaġa sabiħa.
Din l-idea żbaljata ħalliet, saħansitra, l-effetti fuq il-lingwa nazzjonali tagħna. Diżgrazzjatament tant nibżgħu minn din il-fażi tal-ħajja li mqar meta niġu biex nagħżlu l-kliem li se nużaw qed noqogħdu b’seba’ għajnejn nużawx xjuħija jew anzjanità. Tat-tieni tidher iktar pulita. Iktar aċċettabbli! Lili togħġobni l-kelma xjuħija. Anki ċerti qwiel u idjomi li writtna minn ġenerazzjoni għall-oħra jisfiduċjaw ix-xjuħija.
Fuq livell internazzjonali, kemm rajna anki espressjionijiet artistiċi – minn films kotba sal-internet – li jikkundannaw ix-xjuħija bħala l-aħħar att fil-ħajja.
Kemm rajna fl-istorja tal-bniedem soċjetajiet li fallew għax ma apprezzawx il-wirt u l-kontribut tal-anzjani tagħhom. U dan mhux fi żmienna biss.
Saħansitra fi żmien il-Griegi u r-Rumani kien hemm pessimiżmu qawwi dwar ix-xjuħija. Il-famuż filosfu u drammaturgu Lucius Seneca ma tantx laqlaq dwar dan: “I should describe old age as a kind of incurable disease.”
Dmirna issa hu li nisfidaw din l-idea żbaljata dwar ix-xjuħija. Jeħtieġ iva nisfidaw it-tradizzjoni u tneħħu l-għanqbut u l-moffa li nġemgħu mal-milja tas-snin fejn jidħlu ix-xjuħ.
Għax kif sostna l-President Amerikan, Theodore Roosevelt, “Old age is like everything else. To make a success of it, you've got to start young.” Flimkien irridu nwettqu riforma li tisfida dak li ndara. Dak li daħal fil-vini tagħna.
Irridu ninsew il-kumdità tal-witat. Dik li nħallu din l-idea żbaljata issaltan glorjuża. U minflok nitilghu t-telgħat. Dik li nbiddlu u nisfidaw dan il-kunċett żbaljat li għad hawn dwar ix-xjuħija. Irridu mmorru kontra l-kurrent li ilu snin kbar jekk mhux sekli jaħsibha b’dan il-mod skadut.
Irridu niġġieldu l-kostruzzjonijiet soċjali li toħloq is-soċjetà dwar ix-xjuħija. It-tikmix, li tant naraw fl-istampi u fil-filmati, mhux it-tmiem imma bizzilla ta’ esperjenza.
It-tikmix ifisser storja ta’ bniedem. Ta’ familja. Storja ta’ raħal. Storja ta’ Nazzjon. It-tikmix ifisser l-għerf li ġenerazzjoni tgħaddi lill-oħra. It-tikmix hija ir-rabta tal-bieraħ mal-lum. U huwa dak li se jgħaqqad illum ma’ għada. Mingħajr xwejjaħ bit-tikmix ma jkollniex storja. Ma jkollniex identità.
Ix-xjuħ irridu nibdew inħarsu lejhom bħala kontributuri ewlienin fis-soċjetà tagħna. Fit-tagħlim tal-Lhud insibu dikjarazzjoni importanti ħafna li tista’ tkun ta’ gwida għal kulħadd: Għal dawk li jaraw biss sal-ponta ta’ imneħirhom ix-xjuħija tidher bħala x-xitwa. Għall-għorief ix-xjuħija hija żmien il-ħsad.
Nerġa’ ninsisti li takkumula s-snin wara dahrek mhix diżgrazzja jew kastig imma grazzja u barka. Għalina li nemmnu hija waħda mill-akbar għotjiet li jista’ jagħtik il-Mulej. L-anzjani huma aġenti attivi u jien ngħid ukoll provokattivi. Soċjetà għarfa għandha tiċċelebra x-xjuħija u mhux tikkundannaha.
Illum huma bosta dawk l-elementi fis-soċjetajiet madwar id-dinja li qed jirrikonoxxu li l-anzjan hu forza edukattiva u formattiva għan-nazzjon biex ikompli jseddaq il-progress tiegħu. Din l-esperjenza, per eżempju qed narawha fil-formazzjoni tal-Libja l-ġdida. Għax l-età tal-pensjoni mhix il-verdett tal-eżilju mis-soċjetà. Jew il-final ta’ xi opra traġika. Iżda fażi ġdida fil-ħajja li minnha jista’ joħroġ ħafna ġid.
Ħarsu lejn l-istorja u tindunaw kemm nies għamlu d-differenza meta laħqu l-età tax-xjuħija. Michelangelo joħroġ bl-iktar xogħol artistiku importanti tiegħu fi xjuħitu. Mahatma Gandhi jġib l-indipendenza tal-Indja meta xjaħ. Il-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill rebaħ il-gwerra u qered in-Nażiżmu fi xjuħitu. Il-Papa Ġwanni XXIII ġab riformi importanti fl-istorja tal-Knisja meta xjaħ. Aktar riċenti l-mibki Papa Ġwanni Pawlu II. Xwejjaħ għajjien. Muġugħ. Ibati. Imma jibqa’ jippersisti. U jasal. U miegħu iwassal kontinenti sħaħ; il-waqgħa tal-Komuniżmu. Instigata minn dan ix-xwejjaħ qaddis, li fi xjuħitu biddel id-dinja.
U meta Ġwanni Pawlu II kien qiegħed agunija u jieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, il-pjazza tal-Vatikan kienet mimlija żgħażagħ jibku u jitolbu għall-Papa. TabilĦaqq dan kien l-akbar eżempju ħaj ta’ żminijietna ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Immaġinaw x’kienet titlef id-dinja kieku lill-Kardinal Karol Wojtila ma tawhx Ċans issir Papa għax kien xiħ.
F’pajjiżna stess, nies bħal Fr Peter Serracino Inglott ibrilla l-aktar fi xjuħitu. U tant u tant eżempji oħrajn.
Ipermettuli noħodkom ftit lura fi tfuliti għand in-nanna Mari. Hawn fiż-Żejtun stess. Biswit in-Nanna Mari kien hemm ġara ċerta Mari ta’ Ġanna tal-għajn. Kienet tagħmel ġurnata sħiħa tisma’ r-Rediffusion. Imbagħad toħroġ fil-bieb u tgħidilna x’qal ir-Rediffusion. U dak li jgħid ir-Rediffusion kien Vanġelu għall-Mari ta’ Ġanna tal-għajn. Imbagħad inmorru passejn ’il bogħod min-nanna. Fil-misraħ biswit il-Knisja ta’ Santa Marija. Kien hemm Ta’ Giża il-landier. Niftakar mal-faċċata tal-ħanut tiegħu kien hemm speaker tar-Rediffusion. Biex ir-Rediffusion jinstema’ mill-misraħ kollu. Għadni niftakar klikka ta’ xjuħ jintasbu bil-qiegħda fil-misraħ. Jisimgħu r-Rediffusion. Għalihom dan kien l-uniku kuntatt mad-dinja ta’ hemm barra. Insemmi dawn il-karattri ħelwin b’nostalġija. Tfuliti għamiltha magħhom.
Niftakar darba kienet il-festa tal-kappella ta’ Santa Marija. Jien intrigajt biex indoqq il-qniepen tal-kappella. U b’entużjażmu żejjed li kelli din l-imbierka mota tiegħi ma bbastat tieqaf qatt. Inżilt minn fuq il-kappella ta’ Santa Marija rasi ’l fuq. Mota bħal dik żgur li qatt ma kienet indaqqet fil-kappella ta’ Santa Marija. Nistqarr li stennejt il-prosit. U xi ftit gratiduni għall-mota twila li kont daqqejt. Imma mort żmerċ. Dlonk laqgħani Żeppi, Alla jaħfirlu. Kien xwejjaħ mibni b’par mustaċċi mibrumin. Qlajt il-prosit. “Erġa tu. Inqas neqra aħbarijiet me ħellejtni nisme. Dun l-istorbju kollu għalfejn,” ħatafni jitmasħan Żeppi.
Illum ix-xjuħ tagħna nbiddlu. Ma baqgħux staġnati. Id-dinja imxiet ’il quddiem. U l-istess l-anzjani.. Minflok ngħidu li baqgħu lura. Mhux vera. Ħafna anzjani u t-teknoloġija m’għadhomx aktar għedewwa dikjarati. Ħafna anzjani llum qed iħaddnu u jħaddmu t-teknoloġija.
Imma llum għandek anzjani li qed jaqraw l-aħbarijiet mill-internet. Isegwu l-aħbarijiet ta’ bosta stazzjonijiet barranin apparti dawk Maltin. Illum l-anzjani tagħna qed isegwu t-tragedja tas-Sirja, il-kunflitti bejn l-Israel u l-Palestina, id-deċiżjonijiet li qed jieħu Barack Obama u l-effett tagħhom fuq id-dinja. Qed isegwu l-krizi tal-Ewro. Jafu kif il-prezzijiet taż-żejt qed jiddeterminaw suq wara ieħor.
Illum l-anzjan ma jaċċettax kulma jisma’. Aktar minn qatt qabel għandu opinjoni tiegħu. Fuq kollox. U fuq kulħadd. L-anzjan illum bis-saħħa tat-teknoloġija qed iħuf ħafna u ħafna aktar ’il barra mis-swar sabiħ li jdawru lil pajjiżna.
Illum ħafna anzjani jużaw il-mowbajl. Jibagħtu l-messaġġi. Jibbrowsjaw fuq l-internet. Iwieġbu l-emails li jirċievu. Maricarm illum titkellem ma’ binha Nardu u man-neputijiet fl-Amerika bl-Iskype. Hemm anzjani li jużaw il-Facebook u jagħmlu l-friends requests. Jiċċetjaw u tgħallmu jkunu ċittadini ta’ dinja virtwali u globalizzata.
L-anzjani mhumiex għaġina mejta. Għall-kuntrarju jagħmlu l-eżerċizzji u jiżfnu fid-day centres tagħna u f’postijiet oħrajn. Japprezzaw l-importanza tal-mixi. Għandna anzjani li jiġġogjaw ukoll. U jikkompettu f’xi maratona. Għax kif sostna l-kittieb Amerikan Mark Twain Age is an issue of mind over matter. If you don't mind, it doesn't matter.
Għandek fenomenu ieħor li qed jiżviluppa: l-anzjan li jibqa’ jitgħallem. Illum l-anzjani tagħna qegħdin l-università jistudjaw fl-istess kors man-neputijiet. Bħalissa fl-Università ta’ Malta għandna madwar 90 anzjan jistudjaw. L-ixjeħ anzjan li għandna bħalissa jistudja l-Università għandu 80 sena, filwaqt li l-iżgħar student fl-istess kors tiegħu għandu biss 25 sena. Qed naraw is-suċċess tal-Università tat-Tielet Età. L-anzjani qed imorru għall-korsijiet organizzati mid-Dipartiment għat-Tagħlim tul il-Ħajja.
Diġà semmejt f’diskors ieħor kif it-triq tan-Nanna Mari kienet mixgħula għax it-tifel ta’ Ġużeppa tal-iskarpan tant kien bravu li daħal l-università. Alla biss jaf kemm kemm kelli nissaporti priedki mingħand in-nanna Mari. “Bid-daqq tal-qniepen, l-ġiri barra bl-iskates u itajjar il-manoċċa fuq il-bejt qatt mhu se tasal fejn wasal it-tifel ta’ Ġużeppa” kienet tfakkari in-nanna ta’ kull filgħodu, f’nofsinhar u filgħaxija. U jien mingħajr ma nafu dan l-imbierek tifel ta’ Ġużeppa tal-iskarpan bdejt kważi numbrah. Għax dan il-qrid tan-nanna kien kollu ħtija tiegħu.
Illum l-anzjani tagħna jirsistu u jagħtu l-enerġija tagħhom fl-għaqdiet volontarji, fis-soċjetajiet mużikali, fil-kunsilli lokali, fil-movimenti politiċi u reliġjużi u fil-knejjes. Għandna anzjani jgħinu anzjani oħrajn. Jagħtu diversi servizzi mingħajr ma jistennew xejn lura.
F’dinja li qed tinbidel kuljum, fejn l-akbar u l-itwal gwerra hija l-assalt ma jaqta’ xejn fuq il-valuri, l-anzjani huma l-kwiekeb li fid-dlam tal-lejl jixgħelu. Joffru gwida liż-żgħażagħ fil-valuri, u fl-etika. Il-kittieb Dante Alighieri jgħid hekk fuq l-anzjan li jagħti l-pariri: opens out like a rose which can no longer stay closed and diffuses its perfume.
Huwa d-dmir tagħna, mhux biss politiku imma anki morali, li bħala soċjetà nirispettaw u nindukraw lill-anzjani tagħna għax huma għajn ta’ tagħrif għani, Fadlilhom ħafna x’jagħtuna.
Minkejja kollox, minkejja l-maltemp ekonomiku internazzjonali, Malta baqgħet tinvesti f’lista twila ta’ servizzi għall-anzjani. Dawn is-servizzi qegħdin nżiduhom. Dawn is-servizzi huma immirati biex l-anzjan jibqa’ sakemm ikun possibbli fiċ-ċentru tal-komunità fejn għex, trabba u rabba. Għalhekk qed nivestu fil-kunċett tan-night shelters . Tellajna l-impjegati fil-qasam tal-anzjani għall-2842. Ħsibna fil-pensjonanti u tajniehom żieda sħiħa fl-għoli tal-ħajja u għal dawk li għalqu t-80 sena tajna allowance gdida ta’ € 300.
F’Malta diġà hemm ħafna ħidma u inizjattivi biex tippromwovi x-xjuħija attiva. Fuq livell ta’ gvern nidejna strateġiji kontra l-obeżità, u t-tipjip biex il-ħajja tal-anzjan tkun b’saħħitha u attiva.
Il-persuni anzjani għandhom jiġu mħajra jkunu aktar attivi u jkabbru l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Kif ukoll il-qasam tal-volontarjat u x-xogħol. Irrid infakkar li l-anzjani wara l-età tal-pensjoni jistgħu jkomplu jaħdmu mingħajr ma jitilfu xejn mill-pensjoni. Fil-fatt llum għandek iktar minn 10,000 anzjan u anzjani li baqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar. Ftit tal-ġimghat ilu, nidejna l-programm ta’ inizjattiva biex l-anzjani jipparteċipaw fl-isports fosthom l-għawm.
Irridu nkomplu naħdmu biex flimkien l-anzjanità nibdluha f’esperjenza sabiħa tal-ħajja. Hu għalhekk li ħtarna Kumitat li hu magħmul minn diversi professjonisti li ħadmu bis-sħiħ ma’ diversi entitajiet biex fasslu programm ta’ attivitajiet għal din is-sena li hu ffukat biex titqajjem kuxjenza dwar il-kontribuzzjonijiet li l-persuni anzjani jagħtu u jistgħu jagħtu lis-soċjetà. Lil dan il-kumitat irrid niringrazzjah għax xogħol siewi li għamel u qed jagħmel.
Qabel ma nagħlaq xtaqt ngħid għaliex għażilna dan il-post id-Domus biex inniedu din is-sena ta’ attivitajiet. Id-Domus kien post li sa mill-bidu tiegħu ipprattika l-ideali ta’ xjuħija attiva u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Dan il-post għalaq mitt sena. U tul dawn il-mitt sena, ta’ kuljum hawn xjuħ, familji u żgħażagħ jitħalltu u jaqsmu flimkien l-ideali, il-ħsibijiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Jitkellmu, jiddiskutu u jargumentaw flimkien. Daqqa jaqblu. Daqqa ma jaqblux. Hawnhekk hawn fergħa ferm attiva tal-Iscouts u l-Girl Guides. Itellgħu produzzjonijiet teatrali flimkien. Jilagħbu d-darts, l-billiard u snooker. Jaraw logħbiet tal-football flimkien. U waqt kull logħba football ifajjru mijiet ta’ pariri lill-coaches fuq min messhom lagħab. Min messu ħalla barra. U xi strateġija kellu juża. Tabilħaqq sabiħa l-ħajja tad-Domus. Il-ħidma li ssir fil-Juventutis Domus Żejtun hija eżempju ħaj għalina lkoll. Lil sħabna tad-Domus ngħidulhom prosit u grazzi mill-qalb.
Permezz ta’ din l-inizjattiva qegħdin inħeġġu lilkom preżenti biex tagħtu s-sehem tagħkom biex il-ħidma ta’ dan il-kumitat tkun suċċess. Jien se nkun qed nappoġġja dawn l-attiviatjiet. Nittama li intom ukoll.
L-anzjani tagħna għandhom iħarsu lejn il-ġejjieni b’kuraġġ għax il-pajjiż jeħtieġhom fuq diversi livelli. Għandhom iħarsu lejn il-futur bl-istess entużjażmu ta’ kif għajnejn tarbija jżebbġu huma u jiskopru ferħana d-dinja ta’ madwarhom.
Irrid nagħlaq bil-ħsieb tal-kittieb famuż George Bernard Shaw rebbieħ tal-Premju Nobel tal-Letteratura: We don't stop playing because we grow old; we grow old because we stop playing.
Wara l-kantuniera hemm xiħ. Għandu logħba x’jgħallmek. Għandu storja x’jgħidlek. Għandu tagħlima jew tnejn x’jagħtik. Fittxu mhux tiskartah.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017