Left arrow Mur Lura

MESSAĠĠ TAL-PRIM MINISTRU LAWRENCE GONZI WAQT IL-KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET LI FIHA PPREŻENTA R-RAPPORT TAR-RABA’ SENA ĦIDMA MILL-GVERN

pr0829
Date Icon 12/04/2012

Flimkien noħolqu x-xogħol.Għalik.

F’dawn l-erba’ snin, il-Gvern kien iffukat fuq il-ħolqien tal-impjiegi.  Investejna b’mod qawwi biex inħajru aktar kumpaniji u fabbriki jiftħu f’Malta u joħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema.  U min diġa għandu investiment f’Malta, tajnih l-appoġġ biex jinvesti u jimpjega aktar.

Għas-self-employed, u s-sidien tal-ħwienet u n-negozji żgħar u medji għamilna skemi ta’ għajnuna finanzjarja u tnaqqis fl-income tax. 

L-impjiegi ħdimna għalihom kuljum.

Ir-riżultat ta’ dan kollu kien li f’4 snin, ħloqna 20,000 impjieg ġdid. 

Ħdimna flimkien biex noħolqu x-xogħol. Għalik. 

Irsistejna biex iż-żgħażagħ ikollhom impjieg li jagħtihom sodisfazzjon.

B’aktar family friendly measures u bi tnaqqis fl-income tax, qed noħolqu impjiegi għall-ommijiet li jagħżlu li jidħlu jew jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. 2,800 omm, fis-sena, qed igawdu minn skema li biha ma jħallsux income tax. 

Persuni li jilħqu l-età tal-irtirar, issa jistgħu jibqgħu f’impjieg u barra l-paga jieħdu pensjoni sħiħa.  U f’dawn l-4 snin żidna wkoll il-pensjoni bi kważi €1,000.

Żammejna l-finanzi ta’ pajjiżna fis-sod u għat-tielet sena fl-2009 naqqasna l-income tax għal kulħadd.  Minn din is-sena erġajna naqqasna l-income tax għall-ġenituri li jaħdmu.

Investejna aktar fl-edukazzjoni. Illum it-tfal u ż-żgħażagħ qed jużaw faċilitajiet ġodda bħall-interactive whiteboards fil-klassijiet u apparat tax-xjenza u t-teknoloġija f’163 laboratorju ġdid.  F’dawn l-4 snin ftaħna skola ġdida kull sena, u f’Settembru li ġej niftħu l-ħames waħda.  U qed nibnu Campus ġdid tal-MCAST.

Frixna l-istipendju u 18,600 student u studenta qed jieħdu l-istipendju.  Għaxar snin ilu anqas minn 50% taż-żgħażagħ kienu jkomplu jistudjaw wara l-Form V.  Illum qed ikomplu jistudjaw, 73% taż-żgħażagħ.

Fil-qasam tas-saħħa, żidna s-servizzi li jingħataw.  Fl-Isptar Mater Dei, aktar pazjenti qed jingħataw kura.  Is-sena li għaddiet saru kważi 44,000 operazzjoni – 11,000 operazzjoni aktar minn dawk li kienu jsiru fl-Isptar San Luqa.

Qed nagħmlu l-akbar investiment kontra l-marda tal-kanċer, b’żieda fil-mediċini b’xejn u bl-użu tal-aħħar teknoloġija għall-prevenzjoni u l-kura ta’ din il-marda, inkluż b’Ċentru ġdid tal-Onkoloġija. 

Għall-anzjani qed inżidu s-servizzi fil-komunità u ftaħna l-ewwel żewġ night shelters.  F’dawn l-4 snin, żidna s-sodod għall-anzjani fid-djar residenzjali bi kważi 800 biex illum għandna viċin l-2,500 sodda għall-anzjani.

L-investiment li qed nagħmlu għat-tfal u l-familji hu mifrux.  Għamilna aktar spazji pubbliċi ġodda, aktar ġonna u faċilitajiet sportivi.  Proġetti għalik.

Is-sena li għaddiet kienet ikkaraterizzata wkoll mit-taqlib politiku ta’ pajjiżi ġirien tagħna.  Irrispondejna b’deċiżjonijiet tajba u f’waqthom u tajna għajnuna lill-poplu Libjan meta kien qiegħed jissielet għad-drittijiet tiegħu.

L-isfidi fil-qasam ekonomiku huma kbar.  Il-qagħda ekonomika internazzjonali kienet u għadha diffiċli.  Kuntrarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra, aħna bqajna noħolqu l-impjiegi u nnaqqsu l-qgħad.

F’dawn l-4 snin ħdimna flimkien biex l-isfidi indawwruhom f’opportunitajiet.  Ir-riżultati ksibnihom bis-sehem ta’ kulħadd ... flimkien ... ta’ min iħaddem, il-ħaddiema, is-self employed, ta’ min għandu negozju, il-ġenituri li jrabbu t-tfal, l-anzjani...... bis-sehem ta’ min jirrappreżenta lill-ħaddiema u lil min iħaddem, is-soċjetà ċivili....

Flimkien investejna biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tiegħek, f’qagħda ekonomika internazzjonali diffiċli.

Flimkien ħdimna b’għaqal. B’direzzjoni. U b’fiduċja.

Flimkien ħloqna x-xogħol u l-impjiegi. Għalik.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow