Left arrow Go Back

€1.7 MILJUN FUQ SENTEJN GĦAR-RIĠENERAZZJONI TAL-AMBJENT MADWAR HOUSING ESTATES

pr0820
Date Icon 11/04/2012

Bejn l-2011 u l-2012 l-Awtorità tad-Djar allokat aktar minn €1.7 miljun għar-riġenerazzjoni tal-ambjent madwar il-binjiet tal-Gvern.  Filwaqt li s-sena li għaddiet gawdew il-familji u l-anzjani li jgħixu fi 11-il qasam tad-djar f’daqstant lokalitajiet, din is-sena 12-il Kunsill Lokali ieħor iffirmaw ftehim sabiex bejniethom jieħdu sa €900,000. L-iskema ‘Il-Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi’, li permezz tagħha qed jitqassmu dawn il-flus, tinkludi wkoll element edukattiv hekk kif il-Kunsilli Lokali qed jiġu mħeġġa jimplimentaw programm edukattiv mal-inkwilini u l-familji tagħhom.

Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja, il-Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Qasam tad-Djar fi Triq il-Mitħna fil-Gudja.  Il-Kunsill Lokali tal-Gudja diġà gawda minn din l-iskema matul l-2011 u bħala parti mill-proġett ħoloq ġonna żgħar u spazji organizzati ta’ parkeġġ kif ukoll waqqaf il-HomeWork Club biex tingħata għajnuna lit-tfal.  Sar ukoll kwestjonarju dwar il-qagħda u l-bżonnijiet tar-residenti sabiex ikun jista’ jgħinhom fuq bażi diretta billi jipprovdi kemm għajnuna kif ukoll sapport kif ikun meħtieġ. Il-Kunsill għamel ukoll sistema ta’ freephone mar-residenti sabiex b’hekk dawn ikunu jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Kunsill bla ebda spejjeż. 

Il-Ministru Chris Said fisser dan ix-xogħol kollu bħala investiment dirett fil-familji u fl-anzjani li jgħixu fil-housing estates. Hu faħħar il-ħidma tal-Awtorità tad-Djar li qed tinvolvi aktar Kunsilli Lokali fil-manutenzjoni tal-Oqsma tad-Djar. Hu qal li din l-iskema hija miftuħa għal sitt snin iżda hu ppjanat li fl-2013 terġa’ toħroġ sejħa oħra li fiha jkunu jistgħu jipparteċipaw kemm lokalitajiet li diġà daħlu għal dan il-proġett kif ukoll lokalitajiet ġodda.

Fix-xhur li għaddew kien tnieda il-fuljett ‘Il-Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi’. Dan il-fuljett edukattiv tqassam fil-binjiet fl-oqsma tad-djar kollha tal-Gvern, u huwa intenzjonat biex iħeġġeġ lill-inkwilini jieħdu ħsieb il-binjiet fejn jgħixu daqs li kieku kienu kollha proprjetà tagħhom. Permezz ta’ dawn l-iskemi u l-kampanja edukattiva, l-Awtorità tad-Djar qed jirnexxilha tinvolvi lir-residenti  biex jieħdu ħsieb il-binja fejn joqogħdu, iżommu l-indafa, jirrispettaw lill-ġirien, iħarsu l-paċi u jeliminaw il-piki u l-vandaliżmu.

Il-Ministru Said fakkar li l-Awtorità tad-Djar tamministra skema oħra li tinvolvi l-Kunsilli Lokali li permezz tagħha qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-partijiet komuni tal-Oqsma tad-Djar. Ix-xogħlijiet fuq 150 binja fi 11-il lokalità diġà tlestew is-sena li għaddiet. Issa qed isiru x-xogħlijiet fuq il-partijiet komuni ta’ daqstant binjiet oħra. Il-Gvern għandu 1,209 binja fi 52 lokalità. Il-ħsieb tal-Awtorità tad-Djar huwa li fuq medda ta’ sitt snin tkun tista’ issir il-manutenzjoni fihom b’investiment ta’ aktar minn €8 miljuni. Dan ifisser li hemm biżżejjed fondi biex jitranġaw 200 binja fis-sena. 

Sadanittant il-lokalitajiet li fl-2011 diġa bbenefikaw mill-iskema ‘Il-Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi’ huma B’Bugia, Għawdex, il-Gudja, Ħal Luqa, il-Mellieħa, Ħal Kirkop, Ħal Qormi, San Ġwann, Santa Luċija, il-Belt Valletta u l-Birgu.  Din is-sena qed jibbenefikaw il-Kunsilli Lokali f’Ta’ Xbiex, fir-Rabat, f’Ħ’Attard, fil-Floriana, f’Senglea, fl-Imġarr, fl-Imtarfa, fiż-Żejtun, f’Birkirkara, fiż-Żurrieq, fil-Kalkara u f’San Ġiljan.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttiġieġ u s-Sindku tal-Gudja John Mary Calleja fost l-oħrajn.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow