Left arrow Mur Lura

L-ATTIVITÀ KULTURALI IT-TNIEBRI GĦAT-TIENI SENA F’GĦAWDEX

pr0803
Date Icon 05/04/2012

Għadd imdaqqas ta' Maltin ingħaqdu ma' residenti Għawdxin ilbieraħ filgħaxija u attendew għall-attività It-Tniebri, li ġiet organizzata għat-tieni sena konsekuttiva mill-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. L-inħawi storiċi u suġġestivi taċ-Ċittadella offrew sfond partikolari ferm adattat għal din l-attività.

Il-programm imħejji beda fil-Kappella ta’ San Ġużepp fiċ-Ċittadella  b'siltiet mużikali reliġjużi marbuta ma' dan iż-żmien fil-kalendarju liturġiku li ndaqqu fuq l-Arpa minn Jacob Portelli. Anton F. Attard għamel taħdita qasira li matulha ttratta riti folkloristiċi matul żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Il-kor Għawdxi Chorus Urbanus segwa bil-kant ta' Vexilla Regis. Fi tmiem l-attività fil-Kappella preżenti ħabbtu ċ-ċagħaq mas-siġġijiet li kienu fuqhom, bħala tradizzjoni antika li kienet tissimbolizza t-theżżiż tal-art wara l-mewt ta’ Ġesù fuq is-Salib.

It-Tniebri ssoktat b’purċissjoni mill-Kappella ta’ San Ġużepp għaċ-Ċentru tal-Kultura u Arti fiċ-Ċittadella fejn ittellgħu żewġ kunċerti qosra mill-Chorus Urbanus, kif ukoll taħdita qasira dwar il-gastronomija tradizzjonali għal dan iż-żmien tas-sena minn Claire Borg.  Fi tmiem l-attività, il-parteċipanti setgħu jduqu ikel tradizzjonali marbut mal-Ġimgħa Mqaddsa, li għadu popolari sal-lum, fosthom qassatat, qagħaq tal-Appostli, kwareżimal kif ukoll tazza kafè bit-taċċi tal-qronfol li f’Għawdex għadu popolari b’mod partikolari fix-xhur tax-xitwa.

L-attività t-Tniebri kienet tinkludi wkoll tour li beda aktar kmieni wara nofsinhar u li għalih attendew madwar 90 persuna li ħafna minnhom Maltin. Dawn żaru l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Bażilika ta' San Pietru u San Pawl fin-Nadur, iċ-Ċena tas-Sinjur li tittella' kull sena fil-qasam tal-MUSEUM tas-subien tal-istess raħal, il-Galgora fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra kif ukoll wirja ta’ kurċifissi. Din il-mawra ġiet fi tmiemha ġewwa l-Belt Victoria fejn żaru l-wirja Afflictio fil-Banca Giuratale, li ser tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sa Ħadd il-Għid. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow