IMNIEDI PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IS-SETTUR MALTI TAL-INBID: INBEJJED TA’ KWALITÀ
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, George Pullicino, nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ 6 ġimgħat dwar is-settur tal-inbid f’Malta. L-għan ta’ din il-Green Paper huwa li jippreżenta proposti dwar kif jista’ jkompli jissaħħaħ is-settur tal-inbid lokali u għandha tippreżenta opportunità għal dawk il-partijiet jew individwi interessati biex iressqu l-fehmiet tagħhom dwar dak li għandu jsir f'dan il-qasam u kif jista’ jittejjeb aktar dan is-settur.
Din il-Green Paper hija maqsuma fi tliet partijiet prinċipali:
· L-ewwel sezzjoni hija introduzzjoni fuq is-settur lokali ta’ l-inbid u tagħti tagħrif dwar il-varjetajiet lokali ta’ għeneb kif ukoll fuq l-inbejjed differenti li jiġu prodotti fil-Gżejjer Maltin.
· It-tieni sezzjoni tippreżenta l-proposti ewlenin li l-Gvern qiegħed jippreżenta għall-konsultazzjoni mal-entitajiet interessati u pubbliċi.
· L-aħħar sezzjoni tippreżenta l-proċess ta’ konsultazzjoni.
Din il-Green Paper tipproponi fost oħrajn:
· Li għandha ssir Marketing Campaign, li tiffoka fuq l-edukazzjoni biex il-konsumatur jagħraf jiddistingwi bejn inbejjed ta’ Kwalità u nbid ieħor kummerċjali. Din il-kampanja għandha tiffoka wkoll biex tinforma lill-konsumatur dwar l-inbejjed ta’ kwalità lokali.
· Li l-policies tal-Awtorità tax-xandir fir-rigward tal-inbid jiġu riveduti mill-Awtoritajiet Kompetenti biex jirriflettu l-prattiċi użati f’pajjiżi ewropej oħra.
· Li wineries li ġew stabbiliti riċentament għandhom ikunu rappreżentati fuq il-wine Regulations Board.
· Li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet minimi kontrattwali li jkunu applikabbli bejn l-għassara u l-bdiewa fil-produzzjoni tal-inbid. Dawn jistgħu jinkludu klawżoli minimi obbligatorji fuq il-prezzijiet tal-kategoriji differenti tal-għeneb (għall-produzzjoni ta’ inbejjed DOK, IĠT u tal-mejda), il-kwantitajiet ta’ għeneb li jittieħdu lill-għassara u termini ta’ pagamenti.
· Li l-kwalità tad-DOK Superior u DOK Estate Wines, tkun stabbilita wkoll mhux biss fuq il-konċentrazzjoni tal-preżenza ta’ zokkor naturali tal-għenba, iżda wkoll fuq kemm ikun hemm għenieqed ma’ kull dielja.
- Li r-regolamenti preżenti tal-inbid għandhom ikunu elaborati aktar biex jistabilixxu b’mod aktar ċar, ir-rekwiżiti li l-inbid għandu jkollu biex jikklassifika bħala Estate Wine.
Il-Ministru Pullicino waqt it-tnedija ta’ dan id-dokument qal li matul l-aħħar għaxar snin, kien hemm żieda kostanti fil-produzzjoni ta’ Inbejjed ta’ Kwalità. Iż-żieda reċenti fin-numru ta’ “Estate Wineries” f’Malta u Għawdex hija prova li s-settur lokali tal-inbid huwa orjentat lejn il-produzzjoni ta’ prodott ta’ kwalità għolja. Fl-Estate Winery isiru prodotti biss minn għeneb ikkultivat fid-dwieli tal-għassara innifsihom. B’hekk l-għassara għandhom il-kontroll totali fuq il-proċess sħiħ mill-kultivazzjoni tal-għeneb sal-produzzjoni tal-inbid finali. Il-preżenza tal-“Estate Wines” li dejjem qed tiżdied fuq is-suq Malti hija prova ċara ta’ determinazzjoni tal-għassara Maltin u Għawdxin biex joffru prodott ta’ kwalità dejjem għola lill-konsumaturi tagħhom.
Il-Ministru Pullicino enfasizza l-fatt li dan is-settur qiegħed dejjem jikber f’pajjiżna tant li fl-2010 pajjiżna pproduċa 15,340 ettolitru ta’ inbid li jfissru madwar 2 miljuni ta’ fliexken tal-inbid. 90% tal-inbid huwa nbid DOK jiġifieri Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata u l-kumplament huma nbejjed li għandhom denominazzjoni IĠT, jiġifieri Indikazzjoni Ġeografika Tipika. Biex il-konsumatur ikollu garanzija ta’ kwalita bdiet ukoll sistema ta’ banderols li tkun imwaħħla mal-fliexken biex isservi ta’ garanzija li l-inbid li l-konsumatur qed jixtri huwa nbid ta’ kwalità.
Il-Ministeru qed jiffinanzja proġett ta’ tilqim tad-dwieli biex l-inbid li nipproduċu jkun konformi mad-domanda tas-suq. Il-konsum ta’ inbid fil-gżejjer Maltin huwa maqsum skont dawn il-persentaġġi – Inbid abjad 60%, Inbid Rose’ 10% u Inbid aħmar 30% filwaqt li l-inbid prodott mill-għeneb Malti u Għawdxi li hawn imħawwel huwa maqsum hekk – Inbid abjad 45%, Inbid Rose’ 20% u Inbid aħmar 35%.
Il-Ministru Pullicino qal li l-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ Kwalità tirrikjedi xogħol min-naħa tal-bidwi sabiex l-għeneb li jkabbar, ilaħħaq il-parametri ta’ kwalità meħtieġa mill-għassara. Aktar ma’ tkun għolja l-kwalità tal-inbid, aktar trid tkun għolja l-kwalità tal-għeneb, li minnu jsir l-inbid. B’hekk, il-bidwi huwa l-persuna ewlenija fit-tkabbir tad-dwieli għall-produzzjoni ta’ Inbejjed ta’ Kwalità. Filwaqt li rringrazzja lil kull min hu involut f’dan is-settur partikolarment lil bdiewa l-Ministru Pullicino saħaq li x-xogħol tal-bidwi għandu jiġi rikonoxxut sabiex jiġi żgurat li l-investiment li sar mill-bidwi fit-tkabbir tad-dwieli tiegħu jibqa’ vijabbli.
Id-dokument huwa pubbliku u jista jinkiseb mis-sit elettroniku www.mrra.gov.mt. Wieħed jista’ jibgħat il-kummenti tiegħu fuq info.mrra@gov.mt jew jibgħat bil-posta l-kummenti lid-direttur tal-Agrikoltura l-Għammieri Ħal Luqa.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017