STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-INTERN U AFFARIJIET PARLAMENTARI
Il-Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet tallum mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni, l-Onor Michael Falzon, dwar diversi materji fil-qasam tal-Intern.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili la ttrasferixxa art u lanqas daħal f’xi kuntratt biex jitrasferixxi xi art u ma nvolva ruħu bl-ebda mod f’xi transazzjoni ta’ dan it-tip.
Wieħed irid jgħid ukoll li huwa mill-aktar żbaljat li l-Oppożizzjoni tuża każijiet individwali ta’ pulizija biex tipprova tnaqqas u timmina l-operat u l-kredibilita` tal-Korp fil-ħidma tant siewja li qed iwettaq.
Għar-rigward tal-każ ta’ Nicholas Azzopardi u tal-ex-membru tal-Korp li kien ingħata medalja minn amministrazzjoni Laburista, l-Oppożizzjoni taf li l-passi li kellhom jittieħdu fil-fatt ittieħdu, bħalma taf ukoll illi fil-każ l-ieħor tal-ispettur, is-sentenzi ma jingħatawx minn dan il-Ministeru iżda mill-Qrati.
Il-proposta dwar il-union għall-pulizija tressqet minn dan il-Ministeru quddiem il-Parlament permezz ta’ Abbozz ta’ Liġi Nru. 97 li ġie ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern fid-29 ta’ Novembru 2011.
Mhux minnu lanqas li sar xi tnaqqis drastiku fil-fondi għal programmi ta’ edukazzjoni ġewwa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin. Għall-kuntrarju, anzi, il-fondi għal din is-sena żdiedu għal €45,000.
Għar-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida tal-ġustizzja riparatriċi li daħlet fis-seħħ f’Jannar li għadda, wieħed irid isemmi li minkejja li ċerti uffiċjali għadhom mhumiex maħtura, bħalma hu l-Parole Clerk, fil-fatt il-proċess tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet li daħlu inbeda. Irid jingħad ukoll li minbarra l-proċess tal-assessjar mid-diversi professjonisti u uffiċjali tal-Faċilita Korrettiva, ikun jeħtieġ ukoll li kull każ irid jiġi evalwat minn multi-disciplinary team sabiex id-dossier li jiġi mgħoddi lill-Offender Assessment Board ikun jirrifletti l-istampa sħiħa ta’ kemm l-applikant ikun jista’ jinghata l-Parole. Dan il-proċess diġa nbeda u qed jiġu evalwati l-applikazzjonijiet kollha li daħlu. Madankollu l-kelliem irid jifhem li mad-dħul fis-seħħ tal-liġi, kien hemm sitwazzjoni fejn daħlu mijiet ta’ applikazzjonijiet, u dawn kollha jridu jiġu evalwati u, naturalment, tali eżerċizzju jrid jieħu ż-żmien tiegħu għax irid isir bir-reqqa li tixraqlu. Persważ li l-Oppożizzjoni dan żgur tapprezzah għax hekk hu meħtieġ fl-interess kemm tal-priġunier kif ukoll tas-soċjeta inġenerali.
Minbarra dan, tajjeb wieħed ifakkar illi s’issa diġa twaqqfu żewġ bordijiet, u ċioe` l-Offender Assessment Board u l-Victim Offender Mediation Committee li jagħmlu parti integrali mir-riforma li qiegħda ssir fil-qasam tal-ġustizzja riparatriċi.
Minn dan kollu joħroġ ċar li l-Oppożizzjoni qiegħda għal darb’oħra tipprova tgħawweġ il-fatti għal skopijiet li ma jagħmlux ġid lis-soċjeta` tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017