Left arrow Mur Lura

IL-GVERN B’INVESTIMENT B’SAĦĦTU FIS-SETTUR TAT-TURIŻMU BIEX JIKKUMPLIMENTA L-INVESTIMENT LI QED ISIR MILL-PRIVAT

pr0792
Date Icon 04/04/2012

Il-Gvern qed jagħraf il-kontribut importanti tas-settur turistiku biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber u toħloq aktar postijiet tax-xogħol u għalhekk qed jinvesti bis-saħħa f’għajnuna diretta lis-sidien ta’ negozju fil-qasam tal-lukandi u ristoranti kif ukoll fi proġetti infrastrutturali li jkomplu jsebbħu l-prodtt ta’ pajjiżna. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech u l-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura Mario de Marco waqt żjara fil-Lukanda Cavalieri f’San Ġiljan, li matulha taw rendikont ta’ inizjattivi u inċentivi differenti li l-Gvern joffri fil-qasam tat-turiżmu.

Waqt din iż-żjara tħabbar li l-lukanda se tkun qed tinvesti madwar nofs miljun Ewro biex tkompli ssaħħaħ il-kompetittività tagħha u tkompli ttejjeb is-suċċessi miskuba fejn fl-2011 kellha medja ta’ occupancy rate ta 85% matul is-sena kollha.

Fir-rigward ta’ inċentivi diretti, il-Ministru Fenech tkellem dwar l-iskema ta’ 10 miljun Ewro tal-Enerġija (fondi Ewropej u amministrata mill-Malta Enterprise) li kienet għan-negozji kollha u li ġiet estiża għal 15-il miljun. 250 sid ta’ negozju gawdew minn din l-iskema, 30 minnhom minn dan is-settur. Semma’ wkoll l-iskema li permezz tagħha l-lukandi, ristoranti u postijiet oħra tal-akkomodazzjoni jistgħu jibbenefikaw minn sussidju fuq ir-rata tal-interess għal self li jieħdu sabiex jinvestu fl-operat tagħhom u jtejjbu l-prodott turistiku u s-servizzi li joffru. 9 lukandi gawdew bejniethom ftit aktar minn miljun Ewro.

Il-Ministru Fenech spjega kif barra l-għajnuna diretti, is-settur turistiku jgawdi mill-investiment sostanzjali li jsir fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, f’dik li hija enerġija, il-produzzjoni tal-ilma, it-tisbiħ tal-ambjent u l-konservazzjoni tal-wirt storiku. Huwa semma’ proġett ta’ 10 miljun Ewro f’Distribution Centre ġdid fil-Kappara min-naħa tal-Korporazzjoni Enemalta, li proprju qed isir biex isaħħaħ il-provvista u s-sigurtà tal-enerġija fiż-żona ta’ San Ġiljan li jilqa’ fih għadd ta’ stabbilimenti turistiċi.

Min-naħa tiegħu l-Ministru de Marco sostna li l-ħidma tal-Gvern fil-konfront tas-settur turistiku hija intiża biex ikun assigurat li l-lukandi u r-ristoranti mhux biss ikollhom in-numri f’termini ta’ occupancy iżda li dan ikun rifless ukoll f’vijabbilità u profitabbilità. Hu għalhekk li l-Gvern qed isaħħaħ l-inċentivi għal dan is-settur, u rrefera għal skema oħra tal-Malta Enterprise li biha lukandi u ristoranti jistgħu jieħdu self b’rati vantaġġjużi sabiex jinvestu f’inizjattivi favur l-ambjent billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija jew jużaw sorsi alternattivi u iktar nodfa. Fakkar ukoll fi skema ta’ €10miljun Ewro amministratti mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u ko-finanzjata minn Fondi Ewropej favur investimenti f’turiżmu sostenibbli, liema skema qed toffri ko-finanzjar għal dawn il-proġetti sa 50 fil-mija tan-nefqa.

Il-Ministru de Marco wkol tkellem dwar il-politika ħolistika tal-Gvern favur it-turiżmu u semma’ diversi proġetti ta’ tisbiħ fosthom il-promenade ta’ San Pawl, toroq ġodda f’Paceville, l-aquarium li qed jinbena fil-Qawra, il-Pembroke Gardens u oħrajn. Il-Ministru semma ukoll illi Heritage Malta bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea  se tinvesti 13.4 miljun Ewro biex isir restawr u rijabilitazzjoni tal-Forti Sant’Anġlu  sabiex dan is-sit storiku jingħata d-dinjità li tixraqlu.  Dan qed iħalli l-frott tiegħu hekk kif is-sena li għaddiet Malta rreġistrat rekord f’dik li hija nefqa mit-turisti f’pajjiżna.  Il-Gvern jibqa’ jinvesti ukoll fir-riżorsa umana  u permezz tal programm ADVANCE, ko-finanzjat mil-Fond Soċjali Ewropew, qed jkompli it-taħriġ lill-ħaddiema fis-settur turistiku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow