Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT TA’ €69 MILJUN FIS-SENA MILL-GVERN BIEX JIĠU PROVDUTI 1,334 TIP TA’ MEDIĊINA B’XEJN

pr0788
Date Icon 04/04/2012

Rakkomandat użu sew ta’ prodotti mediċinali

Is-Saħħa hija priorità għall-Gvern u għalhekk qed ikompli jsir aktar investiment fis-servizz.  Matul is-snin il-Gvern kompla jżid in-numru ta’ mediċini li jagħti b’xejn biex illum joffri 1,334 tip ta’ mediċina b’xejn lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin.  Dan isir b’investiment ta’ 69 miljun Ewro fis-sena.

Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Dr Joe Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha rrimarka wkoll ir-responsabbiltà li jġorr kemm min joffri s-servizz imma anke min juża l-istess servizz.

Il-Ministru Joe Cassar qal dan l-investiment fil-mediċini b’xejn huwa ekwivalenti għall-investiment ta’ medja ta’ €170 għal kull persuna li tgħix Malta u Għawdex  (popolazzjoni – 404,962 skont NSO 2005).  Matul il-konferenza ġew esebiti 80 tip ta’ mediċina li jiġu offruti b’xejn, sabiex wieħed ikun jista’ japprezza aħjar it-tipi differenti ta’ mediċini li jingħataw mill-Gvern.

Sena wara l-oħra s-servizz kompla jitjieb.  Sar ukoll aktar komdu biex persuna tiġbor il-mediċini b’xejn permezz tal-Pharmacy of Your Choice. Illum din l-iskema nfirxet għal 57 lokalità bir-riżultat li 76,000 persuna qed jiġbru l-mediċini tagħhom minn 159 spiżerija.  Qabel kienu jiġbruhom minn 5 spiżeriji biss. Joe Cassar spjega kif il-Gvern jinvesti miljun Ewro fix-xahar f’din l-iskema.  Hu qal ukoll li qiegħed jinbidel il-proċess li bih jinxtraw il-mediċini, li għandu jwassal biex il-mediċini jinxtraw bl-aħjar prezz possibbli.

Filwaqt li dawn l-investiment saru biex il-persuni jinqdew aħjar, il-Ministru saħaq li huwa importanti li ħadd ma jabbuża minn mediċina għax dan jista’ jwassal għal ħsara fis-saħħa.

Il-Ministru spjega li l-persuna li tkun qed tieħu l-mediċina toħodha għaż-żmien stabilit mit-tabib, u ma taqbiżx dak iż-żmien anke jekk ikun fadlilha mediċina d-dar.  Huwa important wkoll li ssir konsultazzjoni mat-tabib fuq bażi regolari dwar l-ammont u d-doża ta’ mediċina li tkun qed tittieħed peress li l-kundizzjoni tal-persuna tvarja minn żmien għall-ieħor u mhux bilfors li l-mediċina li tkun qed tittieħed fi żmien partikolari tibqa’ l-mediċina adattata għal dejjem.

Għandu wkoll jiġi evitat it-taħlit ta’ mediċini, partikolarment pilloli, li jiġu ppakjati f’kaxxi, bħal per eżempju tqegħid ta’ pilloli oħrajn fil-kaxxa tal-paracetamol, għax dan jista’ jwassal biex il-persuna tieħu mediċina b’oħra f’mument ta’ bżonn. Dr Cassar qal ukoll li huwa daqstant ieħor importanti li wieħed ikun jaf kif l-aħjar li tieħu ħsieb il-mediċina. Jiġifieri kif u fejn iżżomm il-mediċina, bħal ’il bogħod mix-xemx diretta, jew fil-fridge, fost oħrajn. Dan minħabba li l-kundizzjonijiet li fihom tinżamm il-mediċina taffettwa l-istess mediċina.

Il-Ministru Cassar qal li l-mediċini li kienu qed jiġu esebiti, kienu mediċini li ġew irritornati mill-pubbliku wara li min kien qiegħed jużahom issa ma għadx għandu bżonnhom. Dan isir bi skop li l-mediċini ma jinħlewx u jerġgħu jiġu użati.  Filwaqt li l-Ministru rringrazzja lill-pubbliku għal dan il-ġest hu qal ukoll li ftit jifhmu li l-mediċina li tiġi ritornata fil-fatt ma tintużax.  Dan isir b’rispett lejn il-pazjent minħabba l-fatt li d-dipartiment konċernat, anke jekk il-mediċina tkun siġillata, ma jkunx jaf f’liema kundizzjoni nżammu, jekk infetħux u affarijiet oħra.

Il-Ministru appella biex il-pubbliku jagħraf aktar l-importanza li jkun kawt fil-mod ta’ użu ta’ kull tip ta’ mediċina, għax użu ħażin tal-mediċini jaf iwassal għall-ħsara fis-saħħa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow