AKTAR NISA FIN-NEGOZJU JKABBRU L-INVESTIMENT U JŻIEDU L-IMPJIEGI
Kmieni wara nofsinhar il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji ż-Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi żar l-kumpanija Green skips Services Ltd. fil-Magħtab.
Green Skips Services Ltd. hija kumpanija li timmaniġja l-iskart industrijali. Il-kumpanija li din is-sena se ticcelebra 20 sena anniversarju hija mmexxija minn żewġ diretturi nisa. Il-kumpanija toffri wkoll servizz ta’ skart relatat ma’ prodotti oħra bħalma huma containers, dustbins, għamara, distributur tas-sapun u containers oħra relatati ma’ skart kliniku. Il-kumpanija toffri wkoll konsulenza dwar il-ġbir ta’ skart u riċiklaġġ, kif ukoll taħriġ speċjalizzat dwar l-installazzjoni ta’ diversi makkinarji u kif wieħed japplika l-aħjar prattika relatata ma’ skart speċjalizzat u partikolari. Servizz ieħor li toffri l-kumpanija huwa dak tal-ġbir ta’ iskart perikoluż. Dan jinkludi analiżi, ippakjar, esportazzjoni, ċertifikazzjoni kif ukoll trasportazzjoni ta’ dan it-tip ta’ skart.
Il-Ministru Azzopardi saħaq dwar l-importanza li aktar nisa joħorġu jaħdmu jew jiftħu n-negozju tagħhom. Huwa qal li fl-aħħar tnax-il xahar in-numru ta’ nisa li bdew jaħdmu fuq bażi full time kien ta’ 2000 , filwaqt li dawk fuq bażi part time kienu ta’ 1000. Il-Ministru qal li dawn iċ-ċifri jimlew il-Gvern bil-kurraġġ sabiex ikompli jincentiva aktar nisa biex joħorgu jaħdmu.
Is-Sinjura Doris Sammut, waħda mid-Diretturi tal-kumpanija spjegat kif 20 sena ilu l-kumpanija kienet bdiet bi 3 impjegati biss u llum b’kollox tħaddem 33 impjegat. Hija qalet ukoll li f’dawn l-aħħar sentejn, il-kumpanija żiedet 11-il impjegat.
Il-kumpanija bbenefikat ukoll minn 22,400 Ewro mill-Fondi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea sabiex tinvesti f’panelli solari. Barra minn hekk, reġgħet applikat għal dawn il-fondi taħt l-iskema tal-innovazzjoni u jekk l-proġett jiġi aċċettat, l-kumpanija beħsiebha timpjega bejn 2 u 3 impjegati oħra.
Fl-2003 il-kumpanija G.S. Rec Ltd saret tifforma parti mill-kumpanija Green Skips. Din il-kumpanija li topera mill-istess uffiċji fil-Magħtab, tiffoka fuq il-proċess ta’ riċiklaġġ ta’ injam, plastik, karta, ħġieġ, kartun u skart elettroniku. Dawn il-materjali jiġu normalment esportati, filwaqt li hemm persentaġġ minnhom li jiġu rkuprati.
Il-Ministru Azzopardi żar ukoll l-estensjoni l-ġdida li żiedet il-kumpanija sabiex tinkludi aktar uffiċċji. Is-Sinjura Mary Gaerty, id-direttriċi l-oħra tal-kumpanija spjegat kif l-kumpanija investit madwar 110,000 Ewro għal dan it-tkabbir.
Il-Ministru qal li din il-kumpanija hija xempju ta’ storja ta’ suċċess għaliex id-diriġenti mhux talli ma qatgħux qalbhom, iżda talli komplew ikabbru l-operat tagħhom biex b’hekk kabbru l-investiment u ħolqu aktar impjiegi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017