Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, MATUL IL-ĠIMGĦA TAT-TNAQQIS TAL-MELĦ, BIEX TITQAJJEM KUXJENZA DWAR DIETA TAJBA – MOSTA – 3 TA’ APRIL 2012

pr0777
Date Icon 03/04/2012

Kull sena tiġi ċċelebrata madwar l-Ewropa l-ġimgħa tat-Tnaqqis tal-Melħ u din is-sena qed issir bejn 26 ta’ Marzu u 3 ta’ April 2012. 

It-Tema għal din is-sena, hi dwar ir-relazzjoni bejn il-melħ u l-puplesija. Il-puplesija taqa’ taħt il-kategorija ta’ mard li ma jitteħidx. Il-Puplesija hi kundizzjoni fejn ikun hemm embolu jew tinfaqa' l-arterja, u din taffetwa parti mill-moħħ. Din tista' tikkawża problemi bħal; limitazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum, memorja, u diffikultà fil-lingwa. Hemm rabta qawwija bejn l-effetti negattivi fuq is-saħħa meta jittieħed kwantità ta’ melħ eżaġerat fl-ikel, għaliex dan iwassal għal żieda ta’ pressjoni għolja fid-demm b’riżultat li jista’ jwassal għal attakk ta’ puplesija. Il-Pressjoni għolja fid-demm ħafna drabi hi bla sintomi u tiżviluppa maż-żmien. Il-pressjoni fid-demm togħla aktar mal-persuna iżżid fil-piż żejjed; jittiekel ikel għani fiz-zokkor, xaħam u melħ, tpejjep u ma tagħmilx biżżejjed attività fiżika għal tal-inqas nofs siegħa kuljum.

Hu stmat li 55% tal-piż żejjed hu kawża ta’ rata għolja tal-mard relatat mal-pressjoni għolja tad-demm.

Skond Stħarriġ dwar is-saħħa li kien sar fost il-Maltin fl-2002 juri li: ‘47% tar-rispondenti rrappurtaw li kważi dejjem iżidu l-melħ waqt it-tisjir filwaqt li 24% kważi dejjem iżidu l-melħ waqt li jkunu qed jieklu.’

Il-Pubbliku hu dejjem imħeġġeġ biex jevita jew jikkontrolla aħjar il-pressjoni għolja fid-demm biex b’hekk jitnaqqsu l-każijiet  ta’ puplesiji. Għaldaqstant l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tirrikomanda li fl-adulti m’għandux jittieħed aktar minn kuċċarina melħ kuljum; ekwivalenti għal 5 grammi/kuljum. 

Ir-riċerka turina li jekk tnaqqas il-konsum tal-melħ bin-nofs, jirriżulta li l-puplesija titnaqqas għal 24%. 

Għalhekk il-parir hu li tagħżel stil ta’ ħajja iktar tajba għas-saħħa b’iktar ikel bnin u sustanzjuż. Il-melħ jew dadi fit-tisjir għandu jitnaqqas b’mod gradwali. Jista’ jagħti l-każ li xi wħud minna ma jafux kemm qegħdin jikkonsmaw melħ matul il-ġurnata, dan għaliex ħafna mill-melħ ikun moħbi fl-ikel. Ċertu ikel ipproċessat, ‘savory snacks’, u prodotti bħall-ġobon fihom ammont ta’ melħ għoli ħafna. Għaldaqstant il-Maltin huma mħeġġa li jaqraw it-tikketti tal-ikel biex b’hekk jistgħu jintgħażlu prodotti b’inqas melħ.  Hu stmat li ħafna mill-melħ ikkunsmat fl-ikel jinstab fi prodotti tal-ikel mixtri lest għal konsum.

Din is-sena l-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità nidiet l-istrateġija ta’ l-obeżità “Piż tajjeb tul il-ħajja”, fejn waħda mill-għan hu li ser titwaqqaf grupp biex jevalwa kif tista’ jsir tibdil tal-formulazzjoni ta’ prodotti tal-ikel lokali sabiex jitnaqqas il-kontenut tal-melħ. Biex dan iseħħ, hemm bżonn naħdmu iktar mill-qrib mal-industrija lokali fejn ikollna ftehim biex jipproduċu prodotti tal-ikel b’inqas melħ.  F’Malta aħna diġà ħdimna ma’ prodotturi tal-ħobż biex joffru ħobż  b’inqas melħ.  Però dan mhux bizzejjed. Fi stati membri tal-Unjoni Ewropea diġà ħadu l-inizjattiva billi naqqsu l-konsum tal-melħ gradwalment li għandu fl-aħħar iwassal għal tnaqqis ta’ 16% tal-kontenut tal-melħ sal-2012, fejn riċentament  l-aħjar suċċess kien fl-Ingilterra u fil-Finlandja. 

Bħala Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità flimkien mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħloqna diversi servizzi għall-pubbliku biex jikseb informazzjoni dwar kif tista’ tikkontrolla l-pressjoni għolja fid-demm u dieta tajba. 

Fil-fatt, dan qiegħed isir permezz ta’ programm għal kontrol ta’ piż fejn jingħata messaġġ ta’ kif tista’ tikkontrolla l-pressjoni għolja; dieta tajba u attività fiżika. Qed isiru programmi oħrajn ta’ attività fiżika ta’ aerobics fil-komunità. Servizz bla ħlas fiċ-Ċentri tas-Saħħa u f’Outreaches fejn il-pubbliku jista’ jiċċekja l-pressjoni fid-demm u l-Body Mass Index. Saru wkoll fuljetti informattivi dwar it-tnaqqis tal-melħ u l-piż żejjed u dwar il-qari tat-tikketti tal-ikel għal għażliet għas-saħħa aħjar kif fuljett dwar il- pressjoni għolja.

Huwa importanti li wieħed ikun infurmat. Hekk biss tista’ tikkontrolla u tevita dak li jgħamillek ħsara.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow