QRIB IN-NEGOZJANT, BI SKEMI U INCENTIVI
“Illum il-Gvern ikkonferma l-impenn tiegħu li jkun qrib in-negozjant bi skemi u inċentivi li jgħinuh jinvesti u joħloq ix-xogħol. L-iskema Microinvest li hija mmirata li tinkoraġġixxi l-investiment min-negozji żgħar u s-self employed, tippremja l-bżulija u l-għaqal” Dan qalu is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi waqt li kien qed iżur Open Day organizzata mill-Malta Enterprise intiża li tgħin negozjanti micro japplikaw għall-iskema Microinvest, u b’hekk igawdu minn roħs fit-taxxa.
Jason Azzopardi nnota l-impenn tal-aġenzija Malta Enterprise li tħaddem numru ta’ skemi u incentivi mmirati lejn in-negozji żgħar, u s-self employed li jissarfu f’opportunitajiet għalihom. Huwa qal li l-Gvern jemmen fil-ħolqien ta’ dawn l-opportunitajiet, għax jiġġeneraw l-investiment, li joħloq ix-xogħol, u li jdawwar rota ta’ ġid.
Is-Segretarju Parlamentari nnota kif għal din l-iskema diġa daħlu għand Malta Enterprise 145 applikazzjonijiet għal din l-iskema. Bejniethom dawn l-applikazzjoniiet talbu qrib €2.4 miljun f’tax credits liema talbiet qed jiġu pproċessati.
Intant l-Open Day tal-lum kellHa l-għan li tinforma u tilqa’ applikazzjonijiet mingħand negozji micro, jiġifieri dawk li jħaddmu sa 9 persuni, u self-employed għall-iskema Microinvest.
MicroInvest
L-iskema Microinvest li hija skema li tħabbret fil-Budget 2010, tagħti l-opportunita’ lill-operaturi micro u self employed jagħmlu investiment fin-negozju tagħhom, filwaqt li l-Gvern permezz ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 40%, li filkaż ta’ Għawdex jitilgħu għal 60%, fuq l-investiment li jsir bejn l-1 ta’ Jannar 2010, u l-31 ta’ Diċembru 2011.
Dawk li jistgħu jgawdu mit-tnaqqis fl-income tax jinkludu mastrudaxxi, tellara, sprayers, kumpaniji tal-aluminium, furnara, tapezzara, stamperiji, sidien ta’ grocer, sidien tal-ħwienet kollha, bejjiegħa tal-monti, street hawkers, sidien ta’ kiosks tal-festi, sidien ta’ childcare centres, kaħħala, electricians, plumbers, esportaturi u importaturi, sidien ta’ kumpaniji fil-qasam tal-kostruzzjoni, persuni
li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi ta’ tiswija tal-computers, artiġjani, jewellers, arluġġara, estate agents, kumpaniji tar-riklamar, photographers, sidien ta’ gyms, sidien ta’ wine bars, bars u ristoranti, kumpaniji tal-assigurazzjoni, operaturi ta’ kliniċi privati, accountants, nutara, periti, tobba, avukati, dentisti, spiżjara, hairdressers, beauticians u ħafna oħrajn magħhom.
Fost it-tipi ta’ investiment li huma eleġibbli għal din l-iskema hemm: tisbiħ u innovazzjoni ta’ ħwienet; xiri ta’ makkinarju, u investiment f’tekonoloġija ġdida; xiri ta’ makkinarju jew tekonoloġija li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija; investiment li jwasslu li l-operatur jiġi iżjed konformi ma’ regolamenti ta’ Health and Safety, Direttivi Ambjentali, u Aċċess; ix-xiri ta’ vettura (1) li tintuża għall-ġarr tal-prodotti u ż-żieda fl-impjiegi minn Settembru 2009 ‘l hawn.
Din l-iskema hija miftuħa għal negozji micro jew self employed li għandhom turnover ta’ inqas minn €2miljun u u jistgħu jiffrankaw sa €25,000 mit-taxxa.
Intant fil-jiem li ġejjin il-Gvern ser ikun qed jorganizza laqgħat ta’ djalogu mal-operaturi SME li ser ikunu nidirzzati mill-Ministru Tonio Fenech u mis-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi li fihom ser ikun hemm rappreżentanti mill-Malta Enterprise biex jagħtu informazzjoni dwar din l-iskema:
16 ta’ Marzu 14.00 St Helen Parish Hall, Birkirkara
18 ta’ Marzu 14.00 Dar Arka, Għajnsielem - Għawdex
21 ta’ Marzu 14.00 Sala Alleluja, San Pawl il-Baħar
22 ta’ Marzu 14.00 Sala tas-Salezjani, Sliema
23 ta’ Marzu 14.00 Kunsill Lokali Paola Paola
29 ta’ Marzu 14.00 Dar l-Ewropa, Valletta
Fl-aħħar jiem tqassam ukoll fuljett għand l-SMEs kollha jagħti informazzjoni dwar l-iskema innifisha, l-Open Day u l-laqgħat. Għal iżjed informazzjoni wiehed jista’ jċempel fuq 2542 0000.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017