ĦTIEĠA TA’ IKTAR PARTEĊIPAZZJONI MILL-ORGANIŻAZZJONIJIET TAS-SOĊJETA’ ĊIVILI FIL-ĦIDMA TAL-MEMBRI PARLAMENTARI EWROPEJ MALTIN
F’laqgħa straordinarja tal-Core Group tal-MEUSAC li kienet miftuħa wkoll għall-membri tad-disa’ Kumitati Settorjali u li fiha ħadu sehem erbgħa mis-sitt Membri tal-Parlament Ewropej Maltin (MPE), ingħata rendikont tal-ħidma li qed jagħmlu dawn id-deputati Maltin fil-Gruppi politiċi rispwttivi tagħhom kif kull fil-kumitati d-delegazzjonijiet tal-PE li huma membri tagħhom. B’mod ġenerali, il-MPE kollha appellaw biex l-entitajiet kollha li jipparteċipaw fil-MEUSAC (partiti politiċi, korpi kostitwiti u soċjetà ċivili), jagħmlu l-lobbying magħhom fi stadju bikri tal-proċess, jiġifieri malli jitressqu l-proposti ta’ liġijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea. Dan bil-għan li k-kummenti u s-suġġerimenti jsiru meta jkun għadu qed jiġi diskuss ir-rapport fuq il-proposta partikolari fil-kumitat tal-Parlament Ewropew (PE).
Il-MPE Joseph Cuschieri ddeskriva l-ħidma tiegħu li bdiet ftit inqas minn 3 xhur ilu u tkellem dwar il-ħidma fil-Kumitat dwar it-Turiżmu u t-Trasport. Iffoka fuq is-settur tat-turiżmu u semma kif matul ix-xahar id-dieħel se jkollu taħdidiet mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani dwar it-turiżmu f’Malta u fi gżejjer Mediterranji. Qal li mistenni jitwaqqaf Charter Ewropew għal Turiżmu Sostenibbli u Responsabbli li għandu jwassal biex jagħmel iktar kompetittivi lill-intrapriżi li jaħdmu fil-kamp turistiku. Appella għas-suġġerimenti mill-partijiet konċernati biex jiġu kkunsidrati bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal għat-tfassil taċ-Charter. Għalaq billi qal li ċ-Charter għandu jservi bħala punt ta’ referenza komuni għall-oqsma kollha konċernati fil-qasam tat-turiżmu.
Min-naħa tiegħu, il-MPE Edward Scicluna qal li l-ħidma ewlenija tiegħu ssir fi ħdan il-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji. Semma l-involviment tiegħu f’ħafna rapporti li jitfasslu mill-Kumitat, tant li kien rapporteur f’7 rapporti, u shadow rapporteur (jinnegozja f’isem il-Grupp tiegħu) fi 8 rapporti oħra. L-iktar rapport li kellu ċans li jinfluwenza kien dak biex jiġi introdott il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilità li se jissostitwixxi l-Fond Ewropew għall-Istabbilità Finanzjarja. Semma kif il-kriżi ekonomika ġiet b’nuqqas ta’ governanza tajba minħabba li nħbiet ir-realtà li kienet qed tgħaddi minnha l-Greċja b’rabta mal-kriżi tad-dejn. Saħaq fuq l-importanza tal-istatistika u l-ħtieġa ta’ trasparenza mill-pajjiżi f’dan ir-rigward.
Il-MPE Simon Busuttil elabora fuq il-ħidma tiegħu b’rabta mal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u l-Intern. Qal li l-iktar ħaġa interessanti għalih u għal Malta hija li jmexxi l-ħidma tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’dan il-Kumitat li huwa magħmul minn 60 membru li jirrappreżentaw Gruppi Politiċi diversi. Semma kif il-ħidma konkreta li l-iktar ingħatat rikonoxximent hija l-liġi li saret b’rabta mar-reviżjoni tal-liġi tal-Frontex. Spjega x-xogħol tiegħu bħala rapporteur biex saret il-liġi li fuq kollox issaħħaħ l-operat ta’ din l-aġenzija. Tkellem ukoll dwar il-pakkett ta’ liġijiet ġodda dwar id-dritt għall-ażil, li qal hija kwistjoni ta’ solidarjetà. Semma kif Malta tant imbuttat dan il-kunċett u grazzi għall-pressjoni li qed issir minn Malta li dan il-pakkett ta’ liġijiet huwa determinanti biex ipoġġi l-prinċipju tas-solidarjetà fil-prattika. Għalaq billi rrikonoxxa li għad hemm reżistenza mill-Kunsill tal-UE f’dan ir-rigward.
Min-naħa tiegħu, il-MPE Louis Grech saħaq fuq l-importanza li din is-sena l-UE tara x’se jkun il-futur tagħha, jekk hux se tingħaqad iktar jew se ssir iktar frammentata. Qal kif din il-kwistjoni se tokkupa ħafna mill-aġenda tal-MPE minħabba li l-integrazzjoni tal-UE tiddependi fuq l-ewro u s-suq intern. Fisser kif il-Kumitat li jieħu sehem fih jittratta s-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur. Qal kif huwa kkonċentra l-iktar fuq is-suq intern, tant li kien involut fit-tfassil ta’ rapport dwar kif se jingħata nifs ġdid lis-suq intern.
Dwar il-ħarsien lill-konsumatur, minbarra li semma l-involviment tiegħu f’rapport ieħor dwar dan il-qasam, spjega kif biex il-konsumatur ikollu fiduċja fis-suq komuni jeħtieġ li ma jkunx protett iżżejjed minħabba li jintilef il-kunċett ewlieni ta’ suq wieħed. Għalaq billi qal li l-MPE jirrappreżentaw lill-pajjiż, kemm individwalment u anke kollettivament, imma x-xogħol jittratta wkoll kif jiffunzjonaw id-deputati f’istituzzjoni Ewropea, f’xogħol li għandu x’jaqsam ma’ Malta u mal-andament tal-UE.
Il-membri tal-Core Group u l-Kumitati Settorjali kellhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’4 workshops li tmexxew mill-erba’ MPE:
L-Immigrazzjoni u l-Ġustizzja – Simon Busuttil
Is-Suq Waħdieni – Louis Grech
L-Affarijiet Ekonomiċi – Edward Scicluna
It-Turiżmu – Joseph Cuschieri.
Fil-bidu tal-laqgħa, Dott. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC qal li l-laqgħa kienet qed tippermetti li jsir il-kuntatt meħtieġ, kemm mad-deputati u anke mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Żied jgħid li din hija possibilità ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet mhux biss f’dak li jagħmel il-Gvern fil-Kunsill tal-UE imma wkoll fl-istituzzjonijiet oħra speċjalment fil-PE. Hu enfasizza l-ħtieġa li jinżamm dan il-kuntatt, mhux fl-istrutturi tal-MEUSAC biss, iżda anki b’mod dirett u regolari mal-MPE Maltin.
Min-naħa tiegħu, Massimo Farrugia, Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew qal li r-rwol tal-PE kiber speċjalment minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona. Semma kif il-PE japprova l-liġijiet Ewropej flimkien mal-Kunsill, u hemm diversi setturi li jolqtu lill-membri tal-MEUSAC. Fisser kif f’Malta ċ-ċittadini għandhom vantaġġ li l-MPE nafuhom u huma viċin tagħhom. Wiegħed li l-Uffiċċju tal-PE se jimpenja ruħu biex jinforma iżjed lill-entitajiet sabiex ikun hemm kontribut ikbar minnhom fi stadju bikri tal-ħidma fuq rapporti fil-Kumitati.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Djalogu Pubbliku u l-Familja, Dott. Chris Said, li bħala chairperson tal-Core Group ippresieda l-ewwel parti tal-laqgħa, qal li fl-aħħar 3 snin u nofs kemm ilu mwaqqaf il-Core Group, kull sena saret diskussjoni mal-MPE. Irrefera għall-operat tal-MEUSAC, li hu qal li twaqqaf b’pilastru importanti fi ħdanu, li jkun responsabbli mill-proċess ta’ konsultazzjoni. Semma kif għall-laqgħa kienu preżenti iktar minn 70 membru li jirrappreżentaw firxa wiesgħa tas-soċjetà li huma rappreżentati fil-MEUSAC. Il-Ministru Said appella biex iktar għaqdiet isiru membri tal-MEUSAC u jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni biex ikollhom l-opportunità jiddiskutu u jagħtu l-pariri fl-oqsma tagħhom meta jkun hemm proposta tal-UE għall-konsultazzjoni.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017