Left arrow Mur Lura

INAWGURAZZJONI TA’ ESTENSJONI TAL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-BNIET FIL-KULLEĠĠ MARIA REĠINA

pr0429
Date Icon 24/02/2012

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dalgħodu inawgurat estensjoni fil-bini tal-iskola sekondarja tal-bniet fil-Kulleġġ Marija Reġina, li tinsab fil-Mosta.

Issa li l-proġett tal-Kulleġġi qabad sew l-egħruq u mexjin lejn sitwazzjoni fejn kull Kulleġġ barra mill-iskejjel primarji tal-bliet u l-irħula li jiffurmaw parti minnu jkollu wkoll skola sekondarja tal-bniet u oħra tas-subien għall-istudenti kollha li jkunu ġejjin minn dawn l-iskejjel primarji, kien hemm bżonn li xi skejjel eżistenti jitkabbru biex jilqgħu fihom l-istudenti tal-Kulleġġ.

Minn din is-sena l-iskola sekondarja tal-bniet fi ħdan il-Kulleġġ Maria Reġina bdiet tilqa’ fiha studenti bniet li kienu jmorru fi skejjel sekondarji oħra.  Bis-sistema l-ġdida tal-Kulleġġi, bilfors kellha tinstab skola biex tibda tilqa’ studenti li qabel kienu jmorru fl-Area Secondary Schools jew f’Junior Lyceums. 

Biex dan seta’ jseħħ f’dan il-kulleġġ kellu jinstab aktar spazju biex jiġu akkomodati aktar studenti. Kienet identifikata l-iskola li kienet magħrufa bħala l-Iskola Lily of the Valley, għaliex fiha kien hawn spazju fejn issir estensjoni adegwata li tista’ tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ skola moderna u takkomoda n-numru ta’ studenti sekondarji bniet li ġejjin minn dan il-Kulleġġ.

Għalhekk, dan il-proġett kien jikkonsisti fil-bini ta’ klassijiet u librerija ġdida fuq is-sala eżistenti fit-tieni sular. Fis-sulari l-oħra nbnew ukoll xi klassijiet ġodda. 

Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li kienet responsabbli anke minn dan il-proġett, qed tagħti attenzjoni partikolari biex l-iskejjel ikunu aċċessibli għal kulħadd.  Għalhekk f’din l-iskola kellu jsir xogħol apposta biex il-livelli kollha tal-iskola jkunu aċċessibbli. Dan sar billi twaqqgħu t-turġien u l-lift żgħir li kien hemm qabel u reġgħu nbnew b’mod li l-lift il-ġdid li huwa skont l-istandards meħtieġa, jagħti aċċessibilità għal kull livell fl-iskola.

L-iskola kompliet tkun attrezzata bl-aktar għodda moderna għat-tagħlim inkluż l-Interactive White Boards u laboratorji għas-suġġetti tax-xjenza, kompjuters, home economics u suġġetti oħra.

Dan il-proġett ġie jiswa madwar €600,000.

Il-Ministru Cristina fakkret li barra minn din l-estensjoni, saret ukoll estensjoni fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn u qed isir xogħol fuq estensjoni fl-iskola sekondarja bniet taż-Żejtun u wasal fi stadju avanzat il-bini ta’ skola sekondarja ġdida tal-bniet fil-Kulleġġ San Injazju, f’Tal Ħandaq.

Il-Ministru saħqet li l-bini ta’ skejjel ġodda u l-estensjoni ta’ skejjel bħalma hu dan il-każ,  ifisser ukoll ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ xogħol kemm mad-diversi kuntratturi li jkunu involuti fl-istadju tal-bini kif ukoll ħolqien ta’ postijiet ġodda ta’ xogħol fis-settur edukattiv.  Il-bini ta’ skola ġdida jġib miegħu xogħol għall-ħaddiema differenti bħalma huma bennejja, electricians, mastrudaxxi, plumbers,  min ibajjad, min ipoġġi l-madum u oħrajn.  Hu kkalkulat li fuq bini ta’ skola ġdida sakemm tiġi attrezzata biex tibda tilqa’ l-istudenti, jaħdmu mal-130 ħaddiem – 80 fuq is-sit u 50 oħra li jipprovdu servizzi li jkun hemm bżonn.

Barra minn dan, ir-riforma fis-sistema edukattiva ma tikkonsistix biss fil-bini ta’ skejjel ġodda jew estensjonijiet ta’ skejjel oħra. Tfisser ukoll investiment qawwi fir-riżorsa umana ta’ għalliema u professjonisti oħra fil-qasam tal-edukazzjoni.

Fil-fatt, fl-aħħar 4 snin, fil-qasam edukattiv governattiv, inħolqu 1,519 post tax-xogħol ġdid li jvarjaw minn dak ta’ Prinċipal, Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta’ skejjel, Diretturi u Assitenti Diretturi, LSAs, Kindergarten Assistants, service managers, youth workers, consellors, psychologists career advisors, precincts officers, prefects of discipline, research officers, ħaddiema soċjali u professjonisti oħra.

Il-Ministru temmet tgħid li l-programm ta’ bini ta’ skejjel ġodda bi spazji kbar u disinni moderni u r-riżorsi u l-faċilitajiet li qed jinvesti fihom il-Gvern ma nistgħux narawhom f’vacuum. Matul dawn l-aħħar snin bdiet tkun implimentata riforma fis-sistema edukattiva bil-għan li t-tfal tagħna jkollhom kwalità ta’ tagħlim eċċellenti u jilħaq il-bżonnijiet tal-industrija, tas-suq tax-xogħol u ta’ dinja globalizzata.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow