Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA

pr0428
Date Icon 24/02/2012

Il-Gvern jiddedika €2.5 miljun kuljum għall-qasam soċjali

Il-Gvern qed jiddedika €2.5 miljun kuljum għall-qasam soċjali. Minn sena għall-oħra l-Gvern qed jibqa’ jżid in-nefqa tiegħu fuq il-qasam soċjali biex jgħin lil min l-aktar għandu bżonn partikolarment lil tfal u familji vulnerabbli,  biex jagħti aktar servizzi lill-persuni b’diżabilita’ u biex iħallas il-benefiċċji soċjali lill-anzjani u lir-romol.

Il-Gvern hu sensittiv għal min għaddej f’diffikulta’ tant li f’dawn l-aħħar sentejn, bejn l-2010 u l-2012, il-budget tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) u tat-tliet aġenziji tagħha żdied sena wara l-oħra.  Il-budget tal-FSWS għall-2012 hu €1.6 miljun aktar milli kien fl-2010, u €1 miljun aktar milli kien fl-2011.  Dan ifisser li din is-sena l-Gvern qed jgħaddi lill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali aktar minn €13.6 miljun.

Barra minn hekk in-nefqa tal-Gvern fuq benefiċċji soċjali għall-2012 hi €749 miljun. Dan ifisser żieda sostanzjali ta’ €124 miljun fuq l-2008.  L-akbar nefqa hija fuq Benefiċċji Kontributorji, l-aktar Pensjonijiet li jlaħħqu €577 miljun.  Il-pensjonijiet għall-irtirar waħidhom jiswew madwar €377 miljun.

Illum l-anzjani qed igawdu minn żieda sħiħa fil-pensjoni, bħalma jieħdu l-ħaddiema.  Il-pensjoni medja fl-2012 hi €1,000 iżjed milli kienet fl-2008.  Bl-għotja ta’ €300 u biż-żieda sħiħa fil-pensjoni, kull anzjan u anzjana ta’ aktar 80 sena li jgħixu waħedhom jew mal-familja din is-sena qed jingħataw żieda €10.42 fil-ġimgħa.

Mill-1 ta’ Jannar 2012, ir-rata minima taċ-Children’s Allowance żdiedet b’€100 għal €350 fis-sena għal kull tifel u tifla. Ġenituri li jaħdmu t-tnejn u li qed irabbu t-tfal, minn din is-sena qed jiffrankaw bejn €150 u €840 fis-sena fi tnaqqis fl-income tax bejniethom. 55,000 ġenitur li jaħdmu t-tnejn jew li għandhom il-kustodja jew iħallsu l-manteniment tat-tfal igawdu mit-tnaqqis fl-income tax.

Il-persuni b’diżabilita’ li jirċievu l-pensjoni tad-diżabilita’ severa, minn din is-sena jistgħu jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima bla ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom.  Fil-budget għal din is-sena il-Gvern daħħal inizjattiva li permezz tagħha persuna b’diżabilita’ severa u li tiżżewweġ ma titlifx il-pensjoni tagħha minħabba d-dħul tal-mara jew tar-raġel tagħha.

Dan kollu jxejjen l-argumenti miġjuba dalgħodu mill-kelliem tal-Oppożizzjoni Laburista Carmelo Abela li pprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern qed inaqqas in-nefqa soċjali tiegħu. Dan mhux minnu. Il-fatti u ċ-ċifri jitkellmu waħidhom. Sena wara l-oħra l-Gvern qed ikompli jżid in-nefqa fil-qasam soċjali sabiex jgħin persuni vulnerabbli inkluż, familji, tfal u anzjani li jinħtieġu l-għajnuna.

Dwar dak li qal il-kelliem Laburista Carmelo Abela rigward Dar Jean Antide u Dar Fejda, tajjeb jingħad li fl-2011 il-Gvern għaddielhom nofs miljun ewro bejniethom.  Din is-sena dawn ingħataw €650,000, li tfisser żieda ta’ 150,000 ewro fuq is-sena li għaddiet.  Barra minn hekk mill-NGO Fund ta’ din is-sena, Dar Jean Antide u Dar Fejda ingħataw €90,000. Li jfisser li fl-2012, b’kollox dawn se jkunu ngħataw €740,000.

Dan ikompli jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni m’għandiex raġun.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow