Left arrow Mur Lura

IPPUBBLIKAT AVVIŻ LEGALI BIEX IX-XOGĦOL TAL-PIROTEKNIKA IKUN REGOLAT AĦJAR

pr0427
Date Icon 24/02/2012

Il-Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari llum ippubblika avviż legali biex jirregola aħjar ix-xogħlijiet tan-nar u l-piroteknika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li matulha ġie mniedi proġett pilotat minn numru ta’ Kunsilli Lokali li permezz tiegħu ser jogħla konsiderevolment il-livell ta’ għarfien u taħriġ li jingħata lid-dilettanti tan-nar, il-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici qal li dan l-avviż legali, kif ukoll il-proġett li ġie mniedi llum huma ħoloq oħra fil-proċess ta’ riforma li kien ilu għaddej minnu s-settur tal-piroteknika f’dawn l-aħħar snin.

Il-proġett in kwistjoni ser ikun jinvolvi t-taħriġ barra minn xtutna ta’ 17–il detentur ta’ liċenzja għall-manifattura tan-nar għal-livell ta’ MQF Level 3 biex dawn imbagħad ikunu jistgħu jħarrġu madwar 160 detentur ta’ liċenza ieħor sal-livell MQF Level 1. Il-proġett li huwa stmat li ser iqum madwar €270,000 u huwa parzjalment finanzjat mill-European Social Fund tal-Unjoni Ewropea.

“Dan il-proġett ikompli jżid fil-kwalità tal-operaturi f’dan il-qasam li diġà kienu ħadu spinta ’l quddiem meta ġiet irriformata s-sistema tal-eżamijiet tal-Liċenza ‘A’ u Liċenza ‘B’ madwar sentejn ilu. Inizjattivi bħal dawn huma bżonnjużi biex il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ manifatturi tan-nar tkun istruita aħjar u iktar konxja dwar l-importanza tas-sigurtà f’dan il-qasam,” qal il-Ministru.

Huwa għalhekk rringrazzja lis-sindki tal-lokalitajiet li qed jieħdu sehem f’dan il-proġett, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-għaqda Piroteknika Maltija u lis-sindku ta’ Ħal Kirkop, is-Sur Mario Salerno li mexxa l-inizjattiva.

Intant, l-avviż legali 77 tal-2012 li qed jiġi ppubblikat illum għandu l-għan li jintroduċi liċenza ġdida ta’ natura temporanja li tkun tista’ tingħata lil persuni li jkollhom liċenza biex jaħarqu xogħlijiet tan-nar f’pajjiż ieħor, b’mod partikolari fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. B’din il-liċenza dawn il-persuni jkunu awtorizzati jaħarqu xogħolijiet tan-nar f’Malta matul avvenimenti bħal wirjiet ta’ xogħolijiet tan-nar jew festi. Din it-tip ta’ liċenza tibqa’ valida sal-konklużjoni tal-avveniment li tkun inħarġet għaliha.

Regolament ġdid ieħor qiegħed jżid u jiċċara aktar l-obbligi fuq id-detentur ta’ liċenza ta’ fabbrika tax-xogħolijiet tan-nar sabiex dan ikun direttament responsabbli li l-fabbrika tiegħu tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar Xogħolijiet tan-Nar u Esplosivi Oħra.

Id-detentur tal-liċenza ta’ fabbrika issa qed jiġi obbligat li jiżgura li d-detenturi tal-liċenza ‘A’ qegħdin jikkontrollaw b’mod xieraq id-detenturi ta’ liċenzi oħrajn f’kull ħin, filwaqt illi jżomm u jaġġorna r-Reġistru skont ir-regolament 22. Inoltre, id-detenturi tal-liċenza kollha għandhom jaħdmu taħt id-direzzjoni tad-detentur tal-liċenza tal-fabbrika u għandhom jirrapportaw għandu.

Qed jiddaħħal ukoll regolament li permezz tiegħu, meta fabbrika tax-xogħolijiet tan-nar tinqabad tikser ir-regolamenti stipulati fl-Ordinanza dwar l-Isplussivi (Kap 33) tiġi sospiża l-liċenza tad-detentur tal-liċenza tal-fabbrika u dik ta’ kull persuna oħra involuta fil-ksur.

Fil-kummenti tiegħu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Mifsud Bonnici fakkar li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku rigward ir-rapport dwar il-qasam tal-piroteknika li kien ippreparat minn Bord ta’ Inkjesta mmexxi mill-Professur Alfred Vella. Huwa qal li dan id-dokument jagħti bażi soda sabiex wieħed ikun jista’ jiddiskuti u jimxi ’l quddiem.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow