IMĦABBRA R-REBBIEĦA TA’ ĠIEH L-ARTIĠĠJANAT MALTI U PREMJU INNOVAZZJONI MALTA 2011
F’ċerimonja li saret ilbieraħ filgħaxija f’lukanda ewlenija, ġiet organizzata serata li fiha ġew rikonoxxuti r-rebbieħa ta’ Ġieh l-Artiġġjanat kif ukoll dawk ta’ Ġieh l-Innovazzjoni għas-sena 2011.
Iċ-ċerimonja kienet presjeduta mil-Ministru għall-Komeptizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, Jason Azzopardi, kif ukoll mid-direttur ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-propjetà Intelletwali (WIPO), is-Sur Francis Gurry li kien qed iżur Malta fuq stedina tal-Ministru Azzopardi sabiex jieħu sehem f’taħditiet miegħu, kif ukoll jippreżenta l-WIPO awards lir-rebbieħa. Preżenti għal din iċ-ċerimonja attendew ukoll fost l-oħrajn is-Sur Alfred Camilleri, Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment u s-Sur Godwin Warr, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kummerċ.
Il-Premju Ġieh l-Artiġġjanat kien maqsum f’sub kategoriji; dik tal-Prodotti Artiġġjanali fejn jiġu rikononxxuti l-prodotti li kienu kreattivi, li għaliha kien hemm 63 applikazzjoni u li ngħataw 8 premjijiet li jammontaw bejniethom għal 60,000 ewro kif ukoll dik tal-inizjattivi favur l-artiġġjanat Malti. It-tieni kategorija tirrikonoxxi l-inizjattivi li jkunu eċċellaw fit-tagħlim u l-promozzjoni tal-artiġġjanat Malti. Il-kategorija kienet mqassma fi tliet sub kategoriji li bejniethom ir-rebbieħa rċevew 40,000 ewro.
Il-Premju Ġieh l-Innovazzjoni kien maqsum fi tliet sub kategoriji: dik tal-award għall-Innovazzjoni Kreattiva, l-award għall-Innovazzjoni Xjentifika u l-award għall-Innovazzjoni Teknoloġika. B’kollox kien hemm 6 premjijiet għar-rebbieħa kif ukoll għal dawk li kklasifikaw fit-tieni post ta’ kull kategorija. Bejniethom dawn irċevew l-ammont ta’ 75,000 ewro. Ir-rebbieħa rċevew ukoll ċertifikat mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni dwar il-Propjetà Intelletwali.
Ir-rebbieħa tal-Premju Innovazzjoni Malta marru għand it-tim mill-Università ta’ Malta mmexxi mill-Professur Joseph Grima għall-invenzjoni tagħhom bl-isem ta’ Smart Stents li rċevew midalja tal-WIPO u ċertifikat għall-aħjar inventur. Martin Bonnici f’isem Shadeena Ltd, irċieva wkoll midalja tal-WIPO u ċertifikat għall-Kreattività għall-proġett intitolat ‘Tele-Monkey’ filwaqt li Stefan Engelbert f’isem Aloaha Ltd li bil-proġett Middleware Software, irċieva trofew tal-WIPO u ċertifikat għall-Intrapriza Innovativa. Dawn l-unuri kienu ppreżentati mis-Sur Francis Gurry kif ukoll mill-Ministru Jason Azzopardi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Azzopardi qal li din l-okkazjoni se ssaraf sabiex jiġu rikonoxxuti dawk l-individwi li ma jibżgħux joħorġu b’ideat ġodda u li jkollhom il-grinta li jagħmluhom realtà.
Huwa qal li l-Gvern jemmen fis-sħiħ fil-potenzjal tal-artiġġjana Maltin u b’riżultat ta’ dan, qed jiġu varati diversi proġetti fosthom ġie vvutat il-vot tar-riċerka tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknologija ta’ 1.6 miljun ewro, inħoloq fond ġdid biex il-Gvern jgħin fl-internalizzazzjoni tar-riċerka u l-Innovazzjoni, se jiġu investiti 3.5 miljun ewro f’ċentru interattiv tax-Xjenza sabiex aktar tfal u żgħażagħ jinteressaw ruħhom f’dan il-qasam, ġew varati mal-100 proġett artistiku mill-Malta Arts Fund u mill-Premju tal-President għall-kreattività, il-proġett pilota fil-Belt Valletta fejn propjetà tal-Gvern se tiġi żviluppata bħala creative clusters minn gruppi artistiċi, intrapriżi kreattivi u individwi li jixtiequ jinvestu fi studios u workshops.
Huwa qal ukoll li fl-aħħar żewg budgets, il-Gvern waqqaf fond ta’ 200,000 ewro sabiex jinħolqu inizjattivi u inċentivi li jippromwovu lill-artiġġjani sabiex huma jilqgħu għar-realtajiet li joperaw fid-dinja tal-lum. “Din hija turija ċara li l-Gvern għandu għal qalbu dan is-settur u se jkompli jaħdem sabiex jinċentiva aktar artiġġjana jwettqu l-ħidma tagħhom bl-aħjar mezzi possibbli u jinvesti aktar għall-ġid ta’ dan is-settur” spjega l-Ministru Azzopardi.
Fl-aħħarnett il-Ministru Azzopardi feraħ lir-rebbieħa kollha u ħeġġiġhom sabiex ikomplu jħaddnu t-talent tagħhom f’dan is-settur li tant huwa importanti għal pajjiżna. Huwa qal li permezz ta’ aktar artiġġjana, jitkattar it-turiżmu, l-investiment u kif ukoll ikomplu jiżdiedu l-impjiegi f’dan is-settur.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017