XOGĦLIJIET TA’ 13-IL ARTIST SER ISEBBĦU POSTIJIET PUBBLIĊI F’GĦAWDEX
“Sal-aħħar ta’ din is-sena ser jitlestew madwar 13-il biċċa xogħol artistika li ser ikunu qed isebbħu diversi nħawi u postijiet pubbliċi madwar Għawdex. Dawn huma l-ewwel abbozzi ta’ xogħlijiet artistiċi li ġew ikkummissjonati, fost it-43 li ntgħażlu mis-sottomissjonijiet għall-Iskema l-Arti fit-Toroq imnedija mill-Ministeru għal Għawdex.”
Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono waqt attività li matulha ppreżentat l-ewwel pagamenti lill-artisti, għax-xogħlijiet rispettivi li qed jaħdmu fuqhom. Hija spjegat li din hija waħda mill-inizjattivi tal-Ministeru għal Għawdex fit-twettieq tal-Pjan ta’ Azzjoni Eko-Għawdex 2010 - 2012. Il-Ministru għal Għawdex qalet li b’riżultat ta’ din l-iskema, il-poplu Għawdxi u dawk kollha li jżuru l-gżira ser ikollhom l-opportunità li jgawdu xogħlijiet tal-arti, mhux aktar bejn l-erba’ ħitan ta’ mużew, iżda fl-ispazji pubbliċi. Żiedet tgħid li fix-xhur u s-snin li ġejjin, Għawdex ser ikun qed joħloq wirja permanenti ta’ xogħlijiet artistiċi fil-beraħ li ser ikunu qed jirriflettu l-ambjent naturali, kulturali u storiku ta’ Għawdex.
Il-Ministru Giovanna Debono spjegat kif dawn ix-xogħlijiet ser ikomplu jsebbħu l-proġetti tal-Ministeru għal Għawdex, u semmiet fost l-oħrajn il-proġetti tal-Ġnien Villa Rundle fir-Rabat u dak ta’ Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, li mistennija jiġu inawgurati fil-futur qarib.
Il-materjali li ser ikunu wżati f’dawn ix-xogħlijiet tal-arti li ġew ikkummissjonati jinkludu l-bronż, l-injam, terrakotta, ġebla tal-qawwi, mużajk, ġebla tal-franka u stainless steel.
B’kollox fl-Iskema l-Arti fit-Toroq ipparteċipaw 64 artist. Dawn kienu jinkludu Għawdxin u Maltin, kif ukoll barranin li joqogħdu fil-gżejjer Maltin, li flimkien issottomettew 120 abbozz ta’ xogħlijiet ta’ arti. Dawk li ġew jew li ser jiġu kkummissjonati ser isiru f’qisien akbar biex jitqiegħdu f’diversi postijiet pubbliċi u jikkumplimentaw l-inħawi storiċi u rurali tal-gżira ta’ Għawdex.
Din l-iskema tnediet f’Diċembru tal-2010, bħala l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta bil-għan li jiġi promoss is-settur tal-kreattività, filwaqt li tgħin biex il-gżira ta’ Għawdex issir dejjem aktar attraenti.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017