IL-PRESIDENT IŻUR IL-KULLEĠĠ TA’ SAN ALWIĠI U STELLA MARIS ĦAL BALZAN
Dalgħodu l-President George Abela żar il-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u l-iskola Primarja ta’ Stella Maris f’Ħal Balzan bħala parti minn sensiela ta’ żjarat li qed jagħmel fl-iskejjel tal-Knisja.
Kien ta’ pjaċir għall-President George Abela jiltaqa’ mal-istudenti u l-għalliema fejn seta’ jara mill-qrib kif qegħdin jiżviluppaw b’mod sħiħ dawn l-istudenti. Fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi irrisponda mistoqsijiet li għamlulu studenti tas-sekondarja li missew suġġetti bħaż-żgħażagħ u l-volontarjat, il-valur tal-isports u r-rwol tal-President fost l-oħrajn. Wara segwa ukoll parti mis-Soiree li l-istudenti tas-Sixth Form tal-Kulleġġ jtellgħu kull sena. F’San Alwiġi ltaqa’ wkoll mal-komunità tal-Ġiżwiti. Waqt iż-żjara tiegħu maċ-ċkejknin tal-iskola ta’ Stella Maris, il-President segwa kant dwar in-natura kif ukoll preżentazzjoni dwar l-Ilsien Malti.
Il-President George Abela kellu kliem ta’ tifħir għall-għalliema li jwasslu t-tagħlim b’tant dedikazzjoni u ħeġġeġ lill-istudenti sabiex jagħmlu l-aħjar użu minn dan iż-żmien tant sabiħ f’ħajjithom. Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-Volontarjat u l-valur li ma’ taħsibx fik innifsek biss, iżda li ssib il-ħin għall-ħaddieħor. Meta indirizza liż-żgħażagħ tas-Sixth Form, filwaqt li faħħar l-entużjażmu u l-enerġija li jitfgħu biex itellgħu l-ispettaklu tas-Soiree tkellem dwar il-Premju tal-Kreattivita’ li nediet il-Presidenza s-sena l-għaddiet. Dan il-Premju jagħti imbottatura finanzjarja lil individwi jew gruppi li jkollhom bżonn għajnuna finanzjarja sabiex ikattru t-talenti tagħhom.
Meta indirizza lill-istudenti tal-Primarja ta’ Stella Maris Ħal Balzan, il-President Abela qal li huma iż-żerriegħa li dejjem tikber. “Iktar ma tieħu ħsiebha din iż-żerriegħa iktar tisbieħ u tiffjorixxi”, għalhekk huma għandhom jistudjaw sabiex isiru ċittadini mill-aqwa fis-soċjetà.
Fiż-żewġ skejjel il-President Abela ingħata donazzjoni b’risq Malta Community Chest Fund. L-President Abela irreċiproka b’sett kotba għal-librerija tal-iskola.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017