Left arrow Mur Lura

NOFS MILJUN EWRO GĦAL TLIET NGOS GĦAWDXIN LI JGĦINU PERSUNI U FAMILJI FIL-BŻONN

pr0410
Date Icon 23/02/2012

Din is-sena l-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja se jkun qed jgħin tliet NGOs Għawdxin, li joffru servizzi fuq bażi nazzjonali, b’aktar min-nofs miljun Ewro mill-NGO Fund.  Bejniethom, Dar Ġużeppa Debono, il-Fondazzjoni Oasi u l-Fondazzjoni Arka se jirċievu €541,500.

L-għotjiet mill-NGO Fund lill-għaqdiet Għawdxin tqassmu mill-Ministru Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fis-Sala tal-Komunità fil-Qala.  L-NGO Fund jintuża mill-Gvern biex kull sena jgħin NGOs u għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-volontarjat biex ikomplu jgħinu persuni u familji vulnerabbli. Din is-sena  qed jitqassmu kważi €2.9 miljun lil 30 NGO differenti.

Il-Ministru Chris Said qal li mindu twaqqaf dan il-Fond, kważi 18-il sena ilu, ingħataw kważi 29 miljun Ewro f’għajnuna finanzjarja diretta lil dan is-settur tant importanti. L-għaqdiet li jibbenefikaw ivarjaw minn NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, li joffru kenn lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, li joffru appoġġ għal ommijiet-tfajliet, jew appoġġ lil tfal u żgħażagħ li jaqgħu fil-vizzji tal-alkoħol u d-droga.

Il-Ministru Chris Said qal li kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex hemm numru konsiderevoli ta’ għaqdiet volontarji li qed jagħtu diversi servizzi lill-komunitajiet tagħna fl-oqsma soċjali, ambjentali, edukattivi, sportivi u oħrajn. Għal Għawdex in-numru ta’ NGOs hu aktar impressjonanti meta mqabbel maċ-ċokon tal-gżira.  Il-Ministru Chris Said fisser il-volontarjat bħala vokazzjoni u qal li x-xogħol u l-ammont kbir ta’ siegħat dedikati għall-volontarjat huma imprezzabbli u ma jistgħux jiġu kkalkulati jew ikkwantifikati fi flus.

Din is-sena l-allokazzjoni finanzjarja tal-NGO Fund żdiedet bi kważi €400,000.

It-tliet organizzazzjonijiet bażati f’Għawdex joffru s-servizz tagħhom fuq bażi nazzjonali. Dar Ġużeppa Debono toffri servizz lit-tfajliet li jkunu se jsiru ommijiet. Il-Fondazzjoni Oasi taħdem ma’ persuni bi problemi ta’ droga u alkoħol filwaqt li l-Fondazzjoni Arka toffri respite u servizzi oħra lil persuni b’diżabilità.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow