NOFS MILJUN EWRO GĦAL TLIET NGOS GĦAWDXIN LI JGĦINU PERSUNI U FAMILJI FIL-BŻONN
Din is-sena l-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja se jkun qed jgħin tliet NGOs Għawdxin, li joffru servizzi fuq bażi nazzjonali, b’aktar min-nofs miljun Ewro mill-NGO Fund. Bejniethom, Dar Ġużeppa Debono, il-Fondazzjoni Oasi u l-Fondazzjoni Arka se jirċievu €541,500.
L-għotjiet mill-NGO Fund lill-għaqdiet Għawdxin tqassmu mill-Ministru Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fis-Sala tal-Komunità fil-Qala. L-NGO Fund jintuża mill-Gvern biex kull sena jgħin NGOs u għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-volontarjat biex ikomplu jgħinu persuni u familji vulnerabbli. Din is-sena qed jitqassmu kważi €2.9 miljun lil 30 NGO differenti.
Il-Ministru Chris Said qal li mindu twaqqaf dan il-Fond, kważi 18-il sena ilu, ingħataw kważi 29 miljun Ewro f’għajnuna finanzjarja diretta lil dan is-settur tant importanti. L-għaqdiet li jibbenefikaw ivarjaw minn NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, li joffru kenn lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, li joffru appoġġ għal ommijiet-tfajliet, jew appoġġ lil tfal u żgħażagħ li jaqgħu fil-vizzji tal-alkoħol u d-droga.
Il-Ministru Chris Said qal li kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex hemm numru konsiderevoli ta’ għaqdiet volontarji li qed jagħtu diversi servizzi lill-komunitajiet tagħna fl-oqsma soċjali, ambjentali, edukattivi, sportivi u oħrajn. Għal Għawdex in-numru ta’ NGOs hu aktar impressjonanti meta mqabbel maċ-ċokon tal-gżira. Il-Ministru Chris Said fisser il-volontarjat bħala vokazzjoni u qal li x-xogħol u l-ammont kbir ta’ siegħat dedikati għall-volontarjat huma imprezzabbli u ma jistgħux jiġu kkalkulati jew ikkwantifikati fi flus.
Din is-sena l-allokazzjoni finanzjarja tal-NGO Fund żdiedet bi kważi €400,000.
It-tliet organizzazzjonijiet bażati f’Għawdex joffru s-servizz tagħhom fuq bażi nazzjonali. Dar Ġużeppa Debono toffri servizz lit-tfajliet li jkunu se jsiru ommijiet. Il-Fondazzjoni Oasi taħdem ma’ persuni bi problemi ta’ droga u alkoħol filwaqt li l-Fondazzjoni Arka toffri respite u servizzi oħra lil persuni b’diżabilità.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017