STQARRIJA TAD-DIPARTIMENT TAS-SAĦĦA
Id-Dipartiment tas-Saħħa matul l-aħħar xahrejn ħa numru ta’ inizjattivi sabiex jindirizza d-domanda addizzjonali għall-kura ġewwa l-isptar Mater Dei minn bosta anzjani vulnerabbli li sfaw milquta minn mard respiratorju u mard ieħor assoċjat mat-temperaturi baxxi aktar mis-soltu li ġew irreġistrati din ix-xitwa. Kuljum mill-bidu ta’ Jannar, ġew ammessi fl-isptar Mater Dei medja ta’ ħamsa u għoxrin (25) pazjent aktar mill-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Sabiex jilqa’ għal din id-domanda strordinarja għal aktar sodod, id-Dipartiment tas-Saħħa ħa numru ta’ inizjativi. Dawn jinkludu:
1. Żieda ta’ madwar 30 sodda fil-kumpless ta’ San Vinċenz de Paul u kompla jixtri aktar sodod mill-privat.
2. Fil-ġranet li għaddew, daħlu l’ fuq minn 50 pazjent f’ Żammit Clapp San Ġiljan li ġiet ikkonvertita f’ nursing home għall-anzjani morda.
3. Fl-isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech, tkompla ir-refurbishment u b’fondi addizzjonali għar-riżorsi umani u apparat, id-Dipartiment ikun ukoll f’pożizzjoni li jżied is-sodod f’dan l-isptar ukoll.
B’danakollu d-domanda għas-sodod tant żdiedet li d-Dipartiment kellu jirrikorri sabiex iżid minn 2-3 sodod f’ċertu swali fl-isptar Mater Dei. B’hekk hemm numru ta’ swali fejn bħalissa n-numru ta’ pazjenti tela’ minn 24 għal 26 jew 27.
Sfortunatament, l-MUMN ma qablitx ma’ din il-miżura li skont l-MUMN żiedet il-pressjoni u x-xogħol fuq l-infermiera u għaldaqstant qiegħda titlob lid-Dipartiment jikkunsidra biex iżid in-numru ta’ infermiera sostanzjalment u b’mod permanenti.
Id-Dipartiment tas-Saħħa jirrikonoxxi li l-infermiera kollha fis-settur tas-saħħa ħadmu taħt aktar pressjoni f’dawn l-aħħar xaharejn speċjalment l-infermiera ta’ l-Emerġenza u jirringazzja lill-ħaddiema kollha fis-settur tal- impenn u dedikazzjoni tagħhom.
Madankollu d-Dipartiment tas-Saħħa mhuwiex f’qagħda li jikkontempla żieda sostanzjali fil-kompliment tax-xift ta’ l-infermiera b’mod permanenti bi nhar u bil-lejl ġewwa s-swali fejn żdiedu biss 2-3 sodod minħabba li dan ma jkunx l-aktar mod effettiv u effiċjenti li bih jintużaw r-riżorsi umani. Id-Dipartiment huwa lest, izda li jipprova jtaffi l-piż permezz ta’ infermiera li jaħdmu bħala day nurses f’dawn is-swali u fil-dipartiment tal-Emerġenza.
Id-Dipartiment jappella sabiex l-infermiera jkomplu jagħtu sehemhom kif dejjem għamlu mill-aħjar li jistgħu għall-ġid ta’ l-anzjani u l-pazjenti fil-bżonn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017