Left arrow Mur Lura

DISKORS TAL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, L-ONOR. JOE CASSAR, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAL-ISTRATEĠIJA NAZZJONALI GĦAL MALTA – PIŻ TAJJEB GĦAS-SAĦĦA TUL IL-ĦAJJA – FLORIANA – L-ERBGĦA, 22 TA’ FRAR 2012

pr0397
Date Icon 22/02/2012

Sinjuri,

Grazzi talli għoġobkom tilqgħu l-istedina tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità,  sabiex tkunu magħna meta nniedu l-Istrateġija Nazzjonali “Piż tajjeb għas-Saħħa tul il-Ħajja”. Jidher ċar li Malta, bħal ħafna pajjiżi oħra fid-dinja, qed tiffaċċja sfidi kbar fiż-żamma ta’ piż tajjeb għas-saħħa fil-popolazzjoni tagħha. 58 fil-mija tal-adulti, 48 fil-mija tas-subien u 40 fil-mija tal-bniet ta’ għaxar snin għandhom piż żejjed jew huma obeżi. Nafu li l-effetti fuq is-saħħa tal-piż żejjed huma kbar. Il-piż żejjed huwa responsabbli għal proporzjon kbir ta’ każijiet ta’ dijabete, ta’ mard tal-qalb u ta’ pressjoni għolja. Jiżdied ukoll ir-riskju ta’ mard kroniku bħal mard ta’ għadam u xi tipi ta’ kanċer. Il-piż żejjed inaqqas it-tul tal-ħajja u għandu effetti importanti fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Hemm l-effetti ukoll fuq is-soċjetà billi jiżdiedu l-ispejjeż għat-trattament ta’ mard u spejjeż assoċjati ma’ nuqqas ta’ produttività peress li persuna li timrad tfalli x-xogħol spiss. Hemm l-effetti ukoll fuq il-familja imħabba l-mard u l-konsegwenzi tiegħu.

Is-saħħa tal-poplu hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Gvern. Ilna nitkellmu fuq il-piż żejjed tal-Maltin għal xi żmien. Għal dan il-għan, nedejna Il-Politika ta’ Malta dwar l-Ikel u n-Nutrizzjoni fl-1990. Il-prevenzjoni hija prijorità qawwija għall-Ministeru u għalhekk waqqafna d-Direttorat għall-promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard fi ħdan is-Suprintendenza tas-Saħħa Pubblika. Dan id-Direttorat għandu l-għan li jeduka lill-popolazzjoni dwar l-ikel u l-istil ta’ ħajja li trawwem is-saħħa u jippromwovi inizjattivi biex jiffaċilita għażla tajba. Bdejna noffru klassijiet bla ħlas għal tnaqqis ta’ piż u klassijiet ta’ aerobics. Dawn żviluppaw maż-żmien u issa madwar ħames mitt persuna jattendu l-kors kull sena. Nagħmlu kampanji annwali dwar id-dieta Mediterranja u dieta bilanċjata, dwar il-prevenzjoni tal-kanċer, dwar il-ħtieġa li nieklu ħames porzjonijiet ta’ frott u ħaxix kuljum fost attivitajiet oħra. Nagħmlu wkoll kampanji dwar l-eżerċizzju fiżiku bħall-kampanja Move for Health, Mixjiet fil-Majjistral Park u sezzjonijiet mifuħa fil-pubbliku ta’ aerobics u Zumba. It-tfal huma fil-mira tagħna fejn diġà qed isiru ħafna sforzi biex nippromovu piż tajjeb għas-saħħa. Naħdmu id f’id mal-Ministeru responsabbli għall-Edukazzjoni fejn bis-saħħa tal-Kumitat ġdid li twaqqaf Education Health Committee, jiġu kkoordinati inizjattivi fl-iskejjel. Dawn jinkludu inizjattivi għall-ikel bnin u attività fiżika. Ma nistax ma nsemmix l-iskeda ta’ frott u ikel bnin li qed jinkoraġġixxi lit-tfal jieklu aktar frott u ħaxix, il-kitchen gardens fl-iskejjel, il-proġett pilota li beda s-sena l-oħra ta’ Walking Bus f’numru ta’ skejjel u diversi attivitajiet oħra. Għalhekk aħna ilna nagħmlu sforzi biex intaffu din il-problema. 

Nafu li hemm ħafna fatturi li għandhom effetti fuq il-piż. Dawn huma fatturi fil-kulturi, l-ambjent u l-mod kif nigħxu l-ħajja ta’ kuljum. Aħna niġu influwenzati wkoll minn xi jkun qiegħed jiġri barra minn Malta. Kien hemm bidliet kbar f’dawn il-fatturi fl-aħħar għoxrin sena li kienu kaġun biex iżidu l-problema tal-piż żejjed biex wasalna għal problema ta’ fejn qegħdin issa. It-tibdil kbir fl-użu tal-karrozzi privati u tnaqqis fil-mixi kif ukoll il-kwalità, it-tip u l-kwantità ta’ ikel li nieklu jagħmel l-effett tiegħu. Dan nafuh minn studji li jsiru fuq adulti kif ukoll tfal u żgħażagħ, bħall-Health Interview Survey, Health Behaviour in School Children u l-Family Travel Survey.

Għalhekk dan hu żmien opportun biex nindirizzaw din il-problema flimkien. Din mhijiex problema li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, jista’ jindirizza waħdu. Għalhekk din l-istrateġija tidentifika s-setturi li hemm bżonn li aħna naħdmu magħhom fil-missjoni tagħna biex ngħinu lill-Maltin iżommu piż li huwa tajjeb għas-saħħa. Bosta entitajiet minn Ministeri oħra tal-Gvern, bħall-Finanzi, l-Edukazzjoni u l-Agrikoltura, kif ukoll NGOs, l-industrija tal-ikel u tal-catering ħadmu magħna waqt it-tħejjija ta’ din l-istrateġija. Min-naħa tagħna wkoll, qegħdin nippreparaw biex insaħħu s-servizzi tas-saħħa b’servizzi ġodda għat-tfal u l-adulti u nżidu l-kapaċità tal-professjonisti tagħna biex jgħinu l-pażjenti dwar in-nutrizzjoni u l-eżerċizzju għal pakkett ta’ stil ta’ ħajja tajba tul il-ħajja.

Biex din l-istrateġija tirnexxi u nilħqu l-għanijiet tagħna, irridu kollha naħdmu flimkien. Nibdew mill-individwi u l-familji u nkomplu bil-Kunsilli Lokali, l-NGOs, l-Industrija u l-Gvern fid-deċiżjonijiet tal-politika tiegħu. Aspett pożittiv hu li bis-saħħa tal-preparazzjoni ta’ din l-istrateġija hemm ħafna aktar għarfien minn entitajiet barra mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità dwar il-fatturi li jaffettwaw is-saħħa u l-piż żejjed. B’din l-istrateġija, aħna lesti u qegħdin nimpenjaw ruħna biex immexxu azzjoni effettiva biex nindirizzaw dawn il-fatturi li jżidu l-piż fil-popolazzjoni. L-għan tagħna hija li nagħmluha faċli kemm nistgħu biex aħna lkoll nagħmlu għażliet għaqlin fil-ħajja tagħna.

Nixtieq nirringrazzja lill-membri tal-Kumitat Intersettorjali ta’ Azzjoni kontra l-Obeżità (ICCO) u lill-membri tat-tim tal-Ministeru tiegħu, għall-kontribuzzjonijiet tagħhom waqt l-iżvilupp ta’ din l-istrateġija.

Nirringrazzakom talli ġejtu u nawguralkom konferenza utli li tkun opportunità biex inkomplu naħdmu flimkien biex tiġi żgurata saħħa aħjar għal kulħadd tul il-ħajja.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow